Minn Séamus Boland, President tal-Grupp Diversità Ewropa

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tipprovdi opportunitajiet biex iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinstemgħu u jsawru l-futur. Toffri wkoll opportunitajiet biex titwettaq bidla sostenibbli u ċċentrata fuq in-nies.

Il-Grupp Diversità Ewropa jagħti importanza speċjali lil tliet punti:

L-ewwelnett, dan il-proċess huwa opportunità biex jissawwar il-futur! Huwa opportunità biex is-soċjetà ċivili titpoġġa bis-sod fit-tmexxija! Dak li nixtiequ li jirriżulta mill-Konferenza huwa rikonoxximent ġenwin mill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma gwardjani tal-ben komuni. Li huma integrali għall-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet. Li jkun rikonoxxut li s-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni fil-bini tal-fiduċja, fit-tiswir tal-opinjonijiet pubbliċi u bħala aġent pożittiv tal-bidla.

It-tieni, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija opportunità biex iġġib bidla fil-mentalità. Bidla fil-ħsieb, fejn il-futur u l-irkupru wara l-COVID-19 se jimxu id f'id mal-koerenza politika u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. It-tnaqqis tal-faqar huwa, ovvjament, l-ewwel objettiv tal-SDGs u għandu jkun fil-qalba tal-futur tagħna.

It-tielet, kwalunkwe diskussjoni dwar il-futur tal-UE trid tiftakar li l-pandemija tal-COVID-19 rawmet rispett akbar fost iċ-ċittadini għall-valuri ta’ solidarjetà, ġustizzja soċjali, kooperazzjoni interġenerazzjonali, ugwaljanza bejn il-ġeneri u tranżizzjonijiet ħodor u diġitali ġusti. Issa huwa ż-żmien li nagħmlu l-aqwa użu mill-appoġġ pubbliku għal dawk il-valuri, sabiex neżaminaw mill-ġdid il-mudelli tat-tkabbir u l-governanza tagħna. Biex tinbena soċjetà aktar ugwali bbażata fuq il-benesseri taċ-ċittadini. Biex jitħaddnu definizzjonijiet ġodda ta’ benesseri u żvilupp lil hinn mill-PDG, filwaqt li jiġu rrispettati wkoll l-opinjonijiet u d-drittijiet taċ-ċittadini.

Semma’ leħnek:https://futureu.europa.eu/

#TheFutureIsYours