Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni rapida, uniformi u sigura taċ-Ċertifikat tal-UE tal-COVID-19

Fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE ilu ffriżat għal aktar minn sena, iċ-Ċertifikat tal-UE tal-COVID-19, minflok iċ-ċertifikat aħdar diġitali propost mill-Kummissjoni, se jwitti t-triq għal moviment ħieles u sikur fl-Ewropa. Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni taċ-ċertifikat bħala standard eċċellenti komuni biex jiġu mnaqqsa l-kumplessitajiet għall-vjaġġaturi u jiġi ffaċilitat il-moviment tagħhom, dment li d-drittijiet fundamentali u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data jiġu rispettati bis-sħiħ.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE jsostni li ċ-ċertifikat se jagħmilha aktar faċli għall-passiġġiera biex jivvjaġġaw, iżda r-Regolament propost ma jistabbilixxix obbligu jew dritt li persuna titlaqqam. “Iċ-ċertifikat jeħtieġ li jkun trasparenti u jipproteġi l-ħajja privata tagħna”, saħaq ir-relatur tal-Opinjoni, George Vernicos.

Jeħtieġ li jitqiesu l-aspetti soċjali u etiċi

Iċ-ċertifikat se jipprovdi prova li mhux biss persuna tlaqqmet, iżda wkoll se jipprovdi riżultati tal-aħħar testijiet PCR u informazzjoni dwar il-fejqan ta’ persuna minn infezzjoni tas-SARS-CoV-2.

L-awtoritajiet nazzjonali jeħtiġilhom jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tiegħu, b’xejn u mingħajr diskriminazzjoni. Il-KESE jenfasizza wkoll li ċ-ċertifikat ma għandux iwassal għal diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol jew jiftaħ il-bibien għal dumping tal-pagi billi jiġu impjegati persuni mlaqqma minn pajjiżi terzi.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tad-data, li tagħmilha kruċjali li l-Istati Membri jkollhom sistemi interoperabbli b’dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data li jkunu daqstant b’saħħithom. (at)