European Economic
and Social Committee
Il-KESE juri s-solidarjetà u l-għaqda tiegħu mal-Ukrajna
Christa Schweng, President tal-KESE
Aħna qed naraw aggressjoni mhux provokata kontra l-libertà, kontra d-demokrazija, kontra l-valuri u kontra s-sisien tal-Unjoni Ewropea bħala tali li kienet ibbażata fuq is-setgħa tal-liġi mhux fuq il-liġi tas-setgħa. Ir-raġuni għalfejn bnejna Unjoni Ewropea - jiġifieri l-paċi - illum hija aktar importanti minn qatt qabel. Bħala Ewropej jeħtieġ li ningħaqdu flimkien f’solidarjetà u mal-poplu Ukren.
Cillian Lohan, Viċi President għall-Komunikazzjoni
Aħna ningħaqdu flimkien f’solidarjetà mal-poplu Ukren. B’ammirazzjoni kbira nara s-sħubija b’saħħitha diġà mibnija bejn l-UE u s-soċjetajiet ċivili Ukreni. Sa mill-bidu tal-gwerra, osservajna mewġa unika ta’ ġenerożità umana indirizzata lir-refuġjati Ukreni, eżempju uniku ta’ solidarjetà, għaqda u altruiżmu. Il-poplu Ukren jiddefendi l-paċi u s-sigurtà għal kulħadd. It-traġedja umana m’għandhiex fruntieri; tikkonċernana lkoll kemm aħna.
Giulia Barbucci, Viċi President għall-Baġit
Fi kwalunkwe latitudni jew lonġitudni, il-gwerra qatt mhi aċċettabbli u għandha dejjem tiġi kkundannata. Din iġġib biss il-qerda, il-mewt u l-orrur. Fl-Ukraina, qrib il-fruntieri tal-Unjoni, iż-żmien tal-istorja Ewropea iddawwar lura fiż-żmien għal affarijiet li ħsibna li kienu jappartjenu biss fil-passat. F’din it-traġedja terribbli, l-istituzzjonijiet Ewropej ingħaqdu flimkien, u għollew leħinhom kontra din l-aggressjoni inaċċettabbli u fetħu l-bibien tagħhom għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-persuni akbar fl-età. Il-KESE, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, uża s-saħħa kollha tas-solidarjetà tiegħu biex jgħin lill-vittmi ta’ dawn l-atroċitajiet. L-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li jkollha rwol deċiżiv fit-tfittxija għal soluzzjonijiet diplomatiċi li jġibu fi tmiem il-kunflitt, li tieħu azzjoni immedjata biex tmexxi l-prosekuzzjoni ta’ dawk responsabbli għal dawn ir-reati, u li tieħu passi konkreti lejn ir-rikostruzzjoni.
Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem
Eżatt wara l-bidu tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, l-UE għaddiet miżuri li kienu inkonċepibbli sa ftit xhur ilu. Il-gwerra fl-Ukrajna qed toħroġ fid-dieher l-umanità tal-UE u taċ-ċittadini tagħha, li qed ipoġġu l-libertà u l-paċi qabel l-interessi u l-kummerċ. Il-qawmien tal-Ewropa jidher fl-ispettru politiku kollu. Jekk l-Ewropa trid tkompli tgħix fil-paċi, trid tibni politika barranija b’saħħitha u difiża komuni. It-tabù għeb hekk kif erġajna rajna l-gwerra fil-kontinent tagħna. Dan il-momentum dejjem jikber lejn is-salvagwardja tal-paċi u s-solidarjetà qed jagħti lill-Ewropa t-torċa ġdida tagħha biex tgħaqqad flimkien lill-Ewropej u mhux biss. L-UE kellha terġa’ tiskopri x-xewqa għall-paċi biex tkompli tibni l-viżjoni tagħha. Putin, aktar milli qasam l-Ewropa, għaqqadna lkoll fit-triq lejn din il-missjoni.
Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema
L-aggressjoni Russa hija theddida diretta fuq l-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li nkunu magħqudin u nibqgħu maġenb xulxin f’solidarjetà sħiħa mal-poplu tal-Ukrajna, kemm dawk li qed jaħarbu bħala refuġjati llum il-ġurnata, kif ukoll dawk li baqgħu hemmhekk biex jiġġieldu. It-trade unions jiftakru li l-magna tal-gwerra hija mitmugħa bid-demm tal-ħaddiema, jitolbu l-irtirar tat-truppi Russi, u jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili kemm fl-Ukrajna kif ukoll fir-Russja.
Séamus Boland, President tal-Grupp Diversità Ewropa
Qegħdin fix-xifer u rridu nilħqu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ukrajna. Il-valuri u l-prinċipji Ewropej tagħna jinsabu fil-periklu u rridu ngħollu leħinna b’mod ċar kontra l-aggressjoni u favur il-valuri li l-Ewropa ilha tirrappreżenta mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Nafu mill-istorja tagħna li l-paċi hija “fjura fraġli”. Hija teħtieġ l-attenzjoni kollha tagħna u l-impenn tagħna. Jekk inkasbruha, aħna bħala bnedmin għandna l-kapaċità neliminaw id-dinja tagħna u l-forom kollha tagħha tal-ħajja. Huwa imperattiv li l-UE, u tabilħaqq il-familja Ewropea fis-sens usa’ tagħha, għandhom jibqgħu magħqudin u f’solidarjetà mal-ġirien tagħna.
Dimitris Dimitriadis, President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX)
Il-KESE se jagħmel l-almu tiegħu biex ikompli jappoġġja lis-soċjetà ċivili Ukrena permezz tal-mezzi stabbiliti sew tagħna, bħall-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna, u permezz tal-kuntatti bilaterali tagħna.