Il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili 2023 tal-KESE, mill-1 sat-3 ta’ Marzu, ressqu sett ta’ proposti biex mhux biss jipproteġu iżda wkoll jwessgħu l-ispazju ċiviku tal-UE u jiżguraw li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ikollhom pedament sod biex jibnu fuqu soċjetà ċivili vibranti.

L-avveniment ta’ tlett ijiem sar mill-1 sat-3 ta’ Marzu bit-titolu “L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: pilastru tad-demokrazija u attur ewlieni biex jingħelbu l-isfidi attwali”. L-avveniment fetaħ b’sejħa biex l-ispazju ċivili fl-UE jissaħħaħ kontra theddid intern u estern, u għalaq bil-preżentazzjoni ta’ sett ta’ konklużjonijiet imfassla minn tmien workshops interattivi. Il-proposti jkopru kwistjonijiet ewlenin għall-futur tas-soċjetà ċivili, u jvarjaw mill-elezzjonijiet tal-UE tal-2024, sal-futur tal-panels taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika tal-UE, is-Semestru Ewropew, u l-finanzjament tas-soċjetà ċivili u temi oħrajn.

Fil-ftuħ, il-President tal-KESE Christa Schweng enfasizzat li l-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni għat-theddid li qed jifni s-soċjetà ċivili. “Huwa għalhekk li aħna ċari daqs il-kristall fir-rispons tagħna dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea tal-Kummissjoni. Stedinna lill-Kummissjoni tistabbilixxi pilastru speċifiku għas-soċjetà ċivili u wassalna l-appell tal-organizzazzjonijiet u n-networks tas-soċjetà ċivili Ewopea għal Strateġija tas-Soċjetà Ċivili Ewropea.”

Dubravka Šuica, Kummissarju Ewropew għad-Demokrazija u d-Demografija, qablet li “ma nistgħux nieħdu d-demokrazija bħala fatt. Ma nistgħux nissottovalutaw is-soċjetà ċivili tagħna.” Hija enfasizzat l-azzjoni tal-Kummissjoni b’reazzjoni għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, bi 80 % tal-inizjattivi leġiżlattivi din is-sena li huma riżultat dirett tal-proposti taċ-ċittadini fil-Konferenza. “Ħadna l-impenn tagħkom bis-serjetà. Aħna ħadna bis-serjetà l-proposti tal-Konferenza.”

Madwar 500 parteċipant ħadu sehem f’dan l-avveniment, li sar b’attendenza fiżika biss għall-ewwel darba minn meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19.

Il-konklużjonijiet sħaħ dalwaqt ser jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-KESE. Il-KESE ser jiżgura wkoll li jaslu għand l-istituzzjonijiet l-kbar tal-UE.

L-avvenimenti tal-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili huma organizzati mill-KESE f’kooperazzjoni mal-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu, li jlaqqa’ flimkien l-organizzazzjonijiet u n-networks tas-soċjetà ċivili pan-Ewropej.