European Economic
and Social Committee
Politika industrijali: is-sostenibbiltà trid timxi id f’id mal-kompetittività u l-awtonomija strateġika
Jeħtieġ li l-UE tivvaluta mill-ġdid il-prijoritajiet tal-politika industrijali tagħha fid-dawl tal-pandemija u l-kunflitt fil-fruntiera tal-Lvant tal-Ewropa. Dan huwa l-messaġġ li ħareġ mill-konferenza dwar “Futur sostenibbli għall-industrija Ewropea” ospitata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-4 ta’ Marzu 2022, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Waqt li fetħet il-Konferenza, il-President tal-KESE, Christa Schweng, enfasizzat il-ħtieġa għal approċċ kooperattiv għat-tfassil tal-politika industrijali tal-UE: “Irridu naħdmu fi sħubija mal-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, u l-imsieħba soċjali meta nibnu futur sostenibbli għall-industrija tal-UE. F’dan il-proċess, ma rridu nħallu lil ħadd jibqa’ lura”.
Filwaqt li l-UE għadha qed tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, l-avvenimenti drammatiċi fl-Ukrajna xokkjaw il-kontinent. Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Margrethe Vestager, qalet li “l-industriji tal-Ewropa jridu jnaqqsu d-dipendenza unilaterali fuq l-oħrajn. Irridu inħarsu wkoll is-Suq Uniku minn influwenza esterna, kemm jekk fil-forma ta’ sussidji barranin distorsivi jew tentattivi ta’ koerċizzjoni minn gvernijiet barranin.”
Il-parti l-kbira tal-kelliema raw il-kunflitt bħala argument qawwi ieħor biex ikomplu jinsistu favur objettivi ekoloġiċi, għalkemm xi wħud ħassew li ċ-ċirkostanzi jiddettaw li l-għanijiet ekoloġiċi tagħna jerġgħu jiġu kkunsidrati, u saħansitra pprevedew ritorn għall-faħam fl-Ewropa. “Fatturi emerġenti ġodda, bħall-inflazzjoni, id-dejn, id-difiża, u l-enerġija, qed ibiddlu kompletament l-istrateġija industrijali li għandna bżonn insegwu. L-awtonomija strateġika u d-difiża għandhom ikunu l-imperattiv il-ġdid tagħna,” ħeġġeġ l-MEP Carlo Calenda.
Thomas Courbe, Direttur Ġenerali għall-Intrapriża fil-Ministeru Franċiż tal-Ekonomija, il-Finanzi u l-Irkupru, jemmen ukoll li t-tranżizzjoni lejn enerġija sostenibbli tirrappreżenta opportunità biex nimmodernizzaw il-pedament industrijali tal-Ewropa. It-tranżizzjoni doppja trid trawwem kundizzjonijiet ġusti, inklużi dawk soċjali, għall-ħolqien tal-impjiegi, f’konformità mal-prinċipju li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. “L-għan għandu jkun li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bl-inqas spiża soċjoekonomika possibbli,” żiedet tgħid Sandra Parthie, relatur tal-KESE dwar < style="color:blue">Aġġornament tal-istrateġija industrijali l-ġdida.
Fl-aħħar nett, Thierry Breton, il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern, tenna li fi żminijiet ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru, huwa essenzjali li nħeġġu l-iżvilupp ta’ viżjoni koeżiva tal-Unjoni Ewropea u l-industriji tagħha. (gb/dm)