Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) organizza konferenza bit-titolu Insawru l-Ewropa flimkien L-għan ta’ din il-konferenza, organizzata fid-dawl tal-konklużjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kien li tikkonkludi l-ħidma li saret s’issa mill-Kumitat u tiddiskuti s-sitwazzjoni attwali, l-isfidi li ġejjin u l-ambizzjonijiet għall-futur.

Il-President tal-KESE Christa Schweng fetħet id-dibattitu billi għamlet referenza għall-iżviluppi storiċi reċenti fl-Ukrajna u wieġbet għall-mistoqsija li saret fil-bidu dwar jekk huwiex il-mument opportun biex jiġi diskuss il-futur tal-Ewropa.

“L-aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-poplu tagħha turi l-ħtieġa urġenti għal tisħiħ ulterjuri tal-proġett Ewropew u tal-valuri fundamentali tal-Ewropa, bħall-paċi, il-libertà u d-demokrazija”, qalet is-Sinjura Schweng.

Hija enfasizzat l-importanza ta’ dan l-avveniment bħala okkażjoni biex nirriflettu dwar is-sitwazzjoni attwali u nevalwaw dak li seħħ f’dawn l-aħħar xhur.

Il-KESE wettaq inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri kollha sabiex jiggarantixxi rappreżentanza ġusta, jinvolvi lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lis-soċjetà ċivili organizzata kollha, u jwassal il-fehmiet tagħhom lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Il-Kumitat adotta riżoluzzjoni dwar in-narattiva ġdida għall-Ewropa u ppubblika diversi ideat fuq il-pjattaforma online tal-Konferenza. 

Fid-diskors tal-għeluq, Clément Beaune, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropew fi ħdan il-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Ewropej u Barranin, qal: “Biex nimplimentaw il-proposti taċ-ċittadini jeħtieġ li jkollna dibattiti u deċiżjonijiet istituzzjonali, u l-KESE se jaġixxi bħala l-gwardjan biex jiżgura li dawn jissodisfaw l-aspettativi tagħkom”.

Il-KESE kellu rwol ferm attiv fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa permezz tal-grupp ad hoc tiegħu, bħala osservatur tal-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza, u bħala membru tal-plenarja. (ks)