European Economic
and Social Committee
L-UE għandha tipprojbixxi l-prodotti tax-xogħol furzat u tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem
L-UE għandha tiġġieled kull forma ta’ xogħol furzat u ssir mexxejja dinjija fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, ħeġġeġ il-KESE f’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Jannar.
Fl-Opinjoni tiegħu “Projbizzjoni tal-prodotti ta’ xogħol furzat”, imfassla minn Thomas Wagnsonner, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tipprojbixxi l-prodotti magħmula bl-użu ta’ xogħol furzat mis-suq tal-Unjoni, u jenfasizza li huwa kruċjali għall-Istati Membri kollha tal-UE li jirratifikaw il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
Il-KESE jinnota bi pjaċir ukoll li l-proposta tinkludi l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal furzat, u jitlob lill-Kummissjoni biex tħaffef dal-proċess billi tinkludi konvenzjonijiet eżistenti tal-ILO dwar it-tħaddim tat-tfal fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.
Is-Sur Wagnsonner qal: “Il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u tax-xogħol u għalhekk il-qerda tal-forom kollha ta’ xogħol furzat u tal-isfruttament hija kruċjali biex tiġi żgurata t-tmexxija globali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija b’mod partikolari”.
Għall-prevenzjoni tax-xogħol furzat, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-ankraġġ istituzzjonali fil-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni, u jirrakkomanda linji gwida sabiex jassistu lill-kumpaniji, bażi tad-data speċifika b’indikaturi ta’ riskju u sistema ta’ parametri referenzjarji. (mp)