L-assoċjazzjoni Agevolando hija organizzazzjoni volontarja Taljana li tgħaqqad flimkien minorenni u adulti żgħażagħ li qattgħu parti mit-tfulija tagħhom, jew kollha kemm hi, fil-kura u jkollhom jitilqu mis-sistema biex jgħixu b’mod indipendenti. Peress li din it-tranżizzjoni mhix faċli, Agevolando ħolqot proġett li rebaħhom il-Premju tas-Soċjetà Ċivili 2022 fil-kategorija taż-żgħażagħ – Care Leavers Network (CLN). L-għan tagħha huwa li toħloq spazju għal dawk li jitilqu mill-kura biex joħorġu bil-proposti u s-soluzzjonijiet tagħhom stess u biex isiru atturi ewlenin fil-ħolqien ta’ sistema ta’ kura li tassew tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom kif ukoll biex il-vjaġġ lejn età adulta tkun bla xkiel kemm jista’ jkun għal kulħadd fis-sitwazzjoni tagħhom.  Tkellimna mal-president u mal-persuna inkarigata għall-proġett Care Leavers' Network, Federico Zullo u Cecilia Dante.

KESE Info: X’ħeġġiġkom tibdew din l-inizjattiva?

CLN (Care Leavers Network) inħoloq wara li deher ċar li “care leavers” involuti b’mod attiv fl-assoċjazzjoni Agevolando kellhom bżonn li jkollhom spazju ddedikat għalihom, biex ikunu jistgħu “iqabblu n-noti” ma’ xulxin u kollettivament joħorġu bi proposti. għal titjib fis-sistema tal-kura u t-tranżizzjoni sussegwenti għall-età adulta fl-Italja u fl-Ewropa. Agevolando għażel li jippromovi l-appoġġ tal-care leavers billi jwettaq dan il-proġett, li, mill-2013 ’l hawn, ippermettielhom li jkollhom rwol ewlieni fit-tressiq ta’ proposti u jidħlu f’diskussjonijiet ma’ istituzzjonijiet u professjonisti, li qed iġib bidla reali fis-sistema ta’ kura għat-tfal u t-tluq mill-kura fl-Italja.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback min-nies li għentu? Jekk iva, tistgħu tagħtuna eżempju?
Il-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna mill-istituzzjonijiet iddedikati għat-tfal f’pajjiżna, kemm fuq livell lokali kif ukoll nazzjonali. Fl-2015, Garante Nazionale per l’Infanzia e l’Adolescenza (l-Ombudsman Taljan għat-Tfal u l-Adolexxenti) xtaq jappoġġja l-espansjoni tas-CLN biex ikun korp nazzjonali – qabel kien jeżisti biss fl-Emilia Romagna – u minn dakinhar involva dawk li jitilqu mill-kura f’ħafna reġjuni, u kull sena jkun hemm talbiet biex jiġi estiż f’oħrajn, li juri rikonoxximent tal-valur tal-proġett. Iż-żgħażagħ involuti fis-CLN japprezzaw ħafna l-għanijiet u r-riżultati tiegħu, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-influwenza li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom kellhom fuq il-leġiżlazzjoni u l-kultura professjonali, kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet li żviluppaw bejniethom, bil-ħsieb li jkun hemm appoġġ reċiproku, u mal-persuni ta’ kuntatt, l-adulti involuti li jsegwu l-progress tagħhom u jiffaċilitaw il-proċessi varji. Ħafna żgħażagħ involuti fil-proġett setgħu jibbenefikaw minn proġetti interni u opportunitajiet oħra pprovduti mill-assoċjazzjoni (bil-proġett “Se avessi” pereżempju, ġew ukoll appoġġjati finanzjarjament f’termini ta’ appoġġ psikoloġiku, ta’ akkomodazzjoni, ta’ studju u ta’ xogħol).

Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità? Diġà qed tippjanaw xi proġetti ġodda?
Il-fondi se jintużaw biex jiżguraw il-kontinwità tal-proġett u s-sostenibbiltà tiegħu maż-żmien. Fl-Italja, huwa diffiċli li ssib fondi u riżorsi biex jiġu appoġġjati l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u proġetti ta’ promozzjoni, li mhumiex mifruxa biżżejjed. Din id-diffikultà ma tpoġġix f’dubju l-importanza u l-validità tal-proġett u l-ħtieġa li jitwettaq tul iż-żmien b’mod sistematiku, sabiex il-madwar 6 000 care leaver kollha li jħallu s-sistema tal-kura kull sena fl-Italja meta jilħqu l-età ta’ 18-il sena jistgħu jagħżlu li jissieħbu mas-CLN.

X’parir tagħtu lil organizzazzjonijiet oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet u programmi bħal dawn?
Nirrakkomandaw li jiġu ffaċilitati mogħdijiet għall-involviment attiv u t-tmexxija taż-żgħażagħ – kemm dawk li jitilqu mill-kura kif ukoll żgħażagħ oħra b’diffikultajiet – sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw lilhom infushom bħala assoċjazzjonijiet u jibnu mogħdijiet ta’ promozzjoni u ta’ għajnuna reċiproka flimkien, billi jippromovu azzjonijiet biex jinvolvu żgħażagħ oħrajn f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet li jesprimu l-fehmiet ta’ professjonisti u adulti, fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew.

Taħsbu li l-UE qed tagħmel biżżejjed biex tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati? Għandkom pariri jew rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet speċifiċi?
L-UE qed tagħti attenzjoni aktar sinifikanti u prattika fuq iż-żgħażagħ li jgħixu f’kundizzjonijiet żvantaġġati milli għamlet fil-passat, iżda għad hemm ħafna xi jsir f’termini ta’ promozzjoni ta’ drittijiet u opportunitajiet universali għall-inklużjoni sħiħa tagħhom. Nipproponu li għandu jkun hemm investiment konsiderevoli fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’kull qasam ta’ attività u ħajja, biex b’hekk jippromovu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom u jiffaċilitaw proċessi ta’ tisħiħ tal-pożizzjoni li jistgħu jrawmu parteċipazzjoni qawwija u kostruttiva fis-soċjetà. Aħna nemmnu li tista’ tagħmel differenza kruċjali jekk l-Istati Membri tal-UE jingħataw struzzjonijiet biex idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi, inklużi dawk istituzzjonali, biex jiggarantixxu tali miżuri parteċipattivi b’mod sħiħ, b’allokazzjoni mmirata u adegwata tar-riżorsi.