SUS Inima s’issa għenet għexieren ta’ eluf ta’ refuġjati Ukreni biex isibu post fejn jgħixu, ikopru l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom jew jingħataw l-edukazzjoni. Toffrilhom ukoll appoġġ psikoloġiku biex jaffaċċjaw it-trawma tal-gwerra. Bħalissa qed tiġi stabbilita l-infrastruttura biex tgħin lir-refuġjati jsibu triqthom fil-qafas ekonomiku u legali tar-Rumanija. Dan kollu bil-għan li jkunu jistgħu jintegraw fis-soċjetà Rumena kemm jista’ jkun mingħajr xkiel, u b’hekk iħossuhom f’darhom. Tkellimna ma’ Lu Knobloch minn SUS Inima.

KESE Info: X’wassalkom biex tibdew il-proġett jew inizjattiva tagħkom?

SUS INIMA żviluppat il-programmi ta’ intervent u ta’ rispons għall-kriżijiet minħabba li, fuq livell lokali, kien hemm bżonn entità li tista’ tikkollabora ma’ korpi pubbliċi u privati, filwaqt li tiżgura t-trasparenza u pjattaforma ta’ kollaborazzjoni valida għall-partijiet ikkonċernati kollha li huma lesti li jipprovdu assistenza. U minħabba l-fatt li l-maġġoranza tar-refuġjati mill-Ukrajna kienu nisa u tfal, li ħafna minnhom kienu barra mill-pajjiż għall-ewwel darba, u ma kellhom l-ebda esperjenza fil-burokrazija legali, fl-ippjanar ta’ vjaġġi, eċċ. Is-sitwazzjoni kienet aktar ikkumplikata minħabba l-ostaklu tal-lingwa.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Kellkom xi feedback mill-persuni li tajtuhom għajnuna? (Tista’ tagħtina eżempju, jekk għandek?)

Fil-bidu l-għajnuna offruta ntlaqgħet b’ċertu nuqqas ta’ rieda, madankollu, żdied sew l-għadd ta’ benefiċjarji grati li rċevew kull tip ta’ azzjoni ta’ intervent, appoġġ jew provvista ta’ varjetà ta’ servizzi, kemm akkomodazzjoni, trasport, kopertura tal-ħtiġijiet bażiċi (ikel u inizjattivi marbutin mal-irkupru mill-kriżi) kif ukoll edukazzjoni.

Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità? Diġà qed tippjanaw xi proġetti ġodda?

Il-finanzjament speċifiku se jintuża fuq żewġ binarji: 1) appoġġ psikoloġiku għar-refuġjati, primarjament għat-tfal sabiex jgħinhom jindirizzaw it-trawma; 2) l-iżvilupp ta’ inizjattiva ġdida b’enfasi fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali, billi titwaqqaf infrastruttura li tista’ tassisti u tagħti pariri lir-refuġjati b’fehim bażiku dwar il-qafas legali u ekonomiku għar-Rumanija, u l-promozzjoni u l-għajnuna b’mod attiv biex isibu impjieg jew jiftħu negozju lokali, u b’hekk tippromwovi ċ-ċittadinanza attiva u l-inklużjoni sostenibbli tas-soċjetà.

X’pariri tagħti lil organizzazzjonijiet oħrajn f’termini ta’ kisba ta’ riżultati b’attivitajiet u programmi bħal dawn?

  • Jiffokaw fuq il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, il-partijiet ikkonċernati u l-NGOs minflok ma jikkompetu.
  • U jibbażaw il-programmi jew l-inizjattivi kollha li jixtiequ jiżviluppaw fuq studji ta’ każijiet tal-ħtiġijiet reali tal-benefiċjarji.

Tħoss li s-solidarjetà mar-refuġjati Ukreni tibda tbatti jekk il-gwerra fl-Ukrajna tippersisti? X’jistgħu u x’għandhom jagħmlu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jevitaw li dan iseħħ? L-UE jista’ jkollha rwol pożittiv f’dan ir-rigward?

Is-solidarjetà għadha f’livell għoli. Madankollu, il-volum ta’ appoġġ ipprovdut mill-komunitajiet lokali qed jonqos minħabba l-eżawriment tar-riżorsi. Soluzzjoni waħda għall-ħtiġijiet eżistenti hija li jissoktaw l-appoġġ u l-għajnuna pprovduta lir-refuġjati f’termini tal-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-komunitajiet lokali li jinsabu fihom. Barra minn hekk, hemm is-simplifikazzjoni, sa ċertu punt, tal-burokrazija u l-proċeduri meħtieġa għar-refuġjati Ukreni biex jiġu impjegati, jiftħu kumpanija, u biex jiksbu aċċess għall-kontijiet bankarji, l-assigurazzjoni u s-servizzi mediċi. Dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li titnaqqas b’mod sostenibbli d-dipendenza finanzjarja minn sorsi esterni. Is-soċjetà ċivili qed taqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-twassil tal-għajnuna u l-appoġġ lir-refuġjati. L-UE tista’ tgħin fil-ħolqien ta’ networks usa’ fil-livell tal-KE, u b’hekk tappoġġja u tiffaċilita skambju ta’ għarfien li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha involuti: l-implimentaturi u l-benefiċjarji.