Il-presidenza tal-KESE, bl-enfasi tagħha fuq il-bini ta’ UE ekonomikament, soċjalment u ambjentalment aktar b’saħħitha, tappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex l-Ewropa terġa’ lura fuq saqajha wara l-kriżi tal-COVID-19. Dan huwa l-messaġġ li l-President tal-KESE Christa Schweng bagħtet lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, Maroš Šefčovič, li kien qed jattendi s-sessjoni plenarja ta’ Jannar tal-Kumitat.

Is-Sinjura Schweng offriet l-appoġġ sħiħ tal-KESE lill-Kummissjoni, u tenniet l-impenn li sar f’Lulju 2020 bl-adozzjoni tal-kontribut tal-KESE għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021: “Il-Kumitat jixtieq jagħti kontribut qawwi għall-irkupru u r-reżiljenza futura tal-Ewropa biex tiġi żgurata Ewropa li tkun ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli”, qalet is-Sinjura Schweng. “L-isfida quddiemna li hija responsabbiltà tagħna li niffaċċjaw hija li nindirizzaw b’mod effettiv it-tbatija ekonomika u soċjali kkawżata mill-COVID-19.”

Min-naħa tiegħu, is-Sur Šefčovič qal li l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 tfassal biex jgħin lill-UE timxi ’l quddiem u tħalli warajha l-fraġilità kkawżata mill-kriżi u toħloq momentum ġdid permezz ta’ soluzzjonijiet li jibqgħu validi fil-futur: “L-Unjoni tagħna wriet ammont kbir ta’ solidarjetà u unità. Mhux biss nirkupraw iżda nimxu ’l quddiem, u wara l-isfidi kollha tal-2020, issa huwa ż-żmien li ningranaw l-irkupru tagħna mill-kriżi tal-COVID-19 u nfasslu l-ġejjiieni li nixtiequ fl-Unjoni tagħna.”

Huwa u jikkummneta dwar il-miżuri attwali kontra l-pandemija, huwa enfasizza li l-isforzi u l-ħidma tal-Kummissjoni lejn Unjoni tas-Saħħa tal-UE ppermettew lill-UE tiegħu approċċ koordinat lejn it-tilqim u tassigura l-portafoll l-iktar usa’ ta’ tilqim fid-dinja, li jammonta għal 2.3 biljun doża. (mp)