Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni u nagħtu tifsira ġdida lill-kelma “komunità”

Fis-27 ta’ Jannar, il-Prim Ministru tal-Portugall, António Costa, ippreżenta l-prijoritajiet ta’ pajjiżu għall-presidenza tal-UE matul il-plenarja tal-KESE. Il-Portugall ressaq l-aġenda soċjali fil-quċċata tal-programm tal-presidenza tiegħu u talab lill-KESE jipprovdi l-għarfien espert tiegħu dwar seba’ suġġetti ewlenin għall-futur tal-UE.

Bil-motto "Wasal żmien l-azzjoni: irkupru ġust, ekoloġiku u diġitali”, il-presidenza se tiffoka fuq tliet priijoritajiet ewlenin: il-promozzjoni tal-irkupru, bis-saħħa tal-effett ta’ lieva mit-tranżizzjoni klimatika u dik diġitali; l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; u t-tisħiħ tal-awtonomija tal-Ewropa filwaqt li tibqa’ miftuħa għad-dinja.

“Dawn il-prijoritajiet jimxu id f’id perfettament mal-prijoritajiet tal-Kumitat tagħna: qed nippromovu UE li tkun ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli”, qalet il-President tal-KESE, Christa Schweng.

“Il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 tat xhieda tal-valur miżjud li tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea tagħna. Il-bidu tal-proċess tat-tilqim, minn naħa, u l-approvazzjoni tal-QFP u tal-programm Next Generation EU, min-naħa l-oħra, fetħu l-bieb għat-tama u taw tifsira ġdida lill-kelma “komunità””, enfasizza s-Sur Costa.

L-avveniment ċentrali tal-Presidenza Portugiża se jkun is-Summit Soċjali, li huwa ppjanat li jsir f’Porto fis-7 ta’ Mejju.

Huwa enfasizza li: “L-għan ewlieni tiegħu huwa li jagħti impetu politiku b’saħħtu lill-Pjan ta’ Azzjoni li l-Kummissjoni se tippreżenta f’Marzu u li jimplimenta l-Pilastru tal-UE dwar id-Drittijiet Soċjali, l-aqwa vaċċin kontra l-inugwaljanza soċjali, il-populiżmu u l-biża’”.

Il-Prim Ministru qal ukoll li biex jinkiseb dan l-objettiv fundamentali, il-Presidenza Portugiża qed isserraħ fuq il-kontribut ewlieni u l-parteċipazzjoni attiva tal-KESE. Il-presidenza talbet lill-KESE jipprovdi l-għarfien espert tiegħu dwar seba’ suġġetti ewlenin għall-futur tal-UE. (mr)