L-Istrateġija Ewropea għall-Kura tibda billi tiddikjara li kulħadd jipprovdi jew jirċievi kura f’xi żmien f’ħajtu. Madankollu, fl-Ewropa, għal ħafna nies, il-“kura ta’ kwalità għolja għal kulħadd” għadha ma ssarfitx f’realtà u dan kien wieħed mill-fatturi ewlenin wara l-istrateġija.

Fl-Opinjoni tagħna dwar l-istrateġija, niffukaw fuq xi punti ewlenin. L-ewwel nett, nenfasizzaw li s-soluzzjonijiet kollha ta’ kura jeħtieġ li jirrispettaw l-għażliet individwali, u b’hekk infissru li persuna jew familja għandha tkun tista’ tagħżel bejn kura pprovduta f’ambjenti istituzzjonali, fid-dar jew fil-komunità, u ħadd ma għandu jkun imġiegħel jaċċetta xi forma ta’ kura minħabba nuqqas ta’ alternattivi. 

Id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kif għandhom jiġu indirizzati l-isterjotipi bejn l-irġiel u n-nisa huma ċentrali għall-istrateġija kif ukoll għar-rakkomandazzjonijiet tagħna. Aħna ntennu li għandhom isiru sforzi biex jiġu inċentivati aktar irġiel biex jingħaqdu mal-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa u biex niżguraw distribuzzjoni aħjar tar-responsabbiltajiet tal-kura fl-unitajiet domestiċi.

L-istrateġija tolqot il-musmar fuq rasu billi tirrikonoxxi li l-kura formali u informali tmur id f’id, li l-ebda waħda minnhom ma hija esklużiva u li t-tnejn jeħtieġu appoġġ. Il-kura fid-dar ħafna drabi tingħata minn persuni li jindukraw b’mod informali. Il-maġġoranza tagħhom huma nisa u qraba tal-persuna li teħtieġ il-kura li jġorru l-parti l-kbira tal-piż, bl-impatt li dan iġib miegħu fuq il-ħajja professjonali u personali tagħhom. Nirrakkomandaw l-identifikazzjoni ta’ dawn il-persuni li jindukraw b’mod informali u l-immappjar tal-ħtiġijiet tagħhom biex jiġu indirizzati b’mod immirat u effettiv. Nemmnu wkoll li s-sistemi ta’ validazzjoni tal-ħiliet jistgħu jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-“ħidma inviżibbli” ta’ dawn in-nies. 

Barra minn hekk, intennu l-proposta tagħna li titnieda Garanzija Ewropea għall-Kura, sabiex jiġi żgurat aċċess tul il-ħajja għal servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi ta’ kura ta’ kwalità affordabbli għal kull min jgħix fl-UE. Dan l-istrument jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kura u jippromovi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-persuni li jindukraw, inklużi dawk li jindukraw b’mod informali.

Fl-aħħar nett, nixtieq nenfasizza li niffukaw ukoll fuq l-aspetti ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni taż-żewġ proposti tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kura fit-tul bħala parti mill-istrateġija adottata mill-Kunsill f’Diċembru 2022. Nappellaw għal rieżami ta’ nofs it-terminu tal-objettivi ġenerali u tal-miri speċifiċi, inklużi l-miri ta’ Barċellona.