European Economic
and Social Committee
Viżjonijiet tax-xogħol furzat: wirja tal-ILO fil-KESE
Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE Il-wirja tal-ILO, li ġiet organizzata fil-KESE f’Diċembru li għadda, ippreżentat l-aħjar kartuns li ġew sottometti f’kompetizzjoni tal-ILO u li juru stejjer tal-waħx ta’ nies maqbuda f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol furzat fid-dinja kollha.
Skont l-istimi tal-ILO, fl-2021 kien hemm ammont impressjonanti ta’ 27,6 miljun persuna f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol furzat.
In-nies huma soġġetti għal kull tip ta’ intimidazzjoni li tobbligahom jaħdmu kontra r-rieda tagħhom, bħaż-żamma intenzjonata tal-pagi, il-konfinament furzat, u l-vjolenza fiżika u sesswali. Il-lista hija twila ħafna. Il-fenomenu huwa mifrux mad-dinja kollha u s-sitwazzjoni marret għall-agħar bil-pandemija tal-COVID. Fost dawk l-aktar vulnerabbli hemm it-tfal, in-nisa u l-ħaddiema migranti. Skont l-istimi tal-ILO, in-nisa u l-bniet jirrappreżentaw 11,8 miljun mill-għadd totali ta’ persuni f’xogħol furzat. Aktar minn 3,3 miljun ta’ dawk li jinsabu f’xogħol furzat huma tfal.
Iżda l-fatti u l-figuri ma jirrakkontawx bis-sħiħ l-istorja umana tagħhom. Huwa għalhekk li ġiet ospitata wirja mill-KESE fuq l-inizjattiva tal-President tal-Grupp tal-Ħaddiema, Oliver Röpke, f’kollaborazzjoni mal-ILO. Din ġabret l-aħjar kartuns ta’ kompetizzjoni organizzata mill-ILO li juru l-esperjenza ta’ dawk maqbuda f’tali kundizzjonijiet tax-xogħol intollerabbli fid-dinja kollha.
Inizjattivi bħal dawn iwassluna biex nirriflettu fuq l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu biex tintemm din il-pjaga, bħall-indirizzar tan-nuqqasijiet fir-rigward tax-xogħol deċenti fl-ekonomija informali, kif imħeġġeġ mill-ILO. L-Opinjoni tal-KESE li qed titfassal bħalissa mir-relatur tal-Grupp tal-Ħaddiema, Thomas Wagnsonner, tiffoka fuq il-projbizzjoni tal-prodotti ta’ xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni. Matul il-ftuħ tal-wirja, il-President tal-Grupp tal-Ħaddiema, Oliver Röpke, qal: “Din il-wirja, apparti li turi biċ-ċar it-tbatija ta’ dawk li jinsabu f'sitwazzjoni ta’ xogħol furzat, tesplora wkoll aħna x’nistgħu nagħmlu meta naħdmu flimkien u nieħdu azzjoni soda – u qed nieħdu azzjoni. Huwa għal din ir-raġuni li rridu li l-Istati Membri kollha tal-UE jirratifikaw il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat! "(mg) (mg)