Il-Konferenza dwar il-ġeopolitika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tħejjiet mill-KESE flimkien man-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDSN), enfasizzat l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi fuq firxa wiesgħa tal-Patt Ekoloġiku, kemm għall-Ewropa kif ukoll għad-dinja fit-totalità tagħha. Il-KESE huwa lest li jagħti sehmu f’dan il-proċess, filwaqt li jiżgura sjieda ċara tas-soċjetà ċivili tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Wara kważi 30 sena mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, l-emissjonijiet li huma ta’ ħsara għall-klima żdiedu bil-kbir sew, skont ir-rapport dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet li ħareġ f’Ottubru 2021.

Christa Schweng, President tal-KESE, enfasizzat: “Huwa għalhekk li t-tranżizzjoni ekoloġika hija kwistjoni ta’ sopravivenza kemm għall-Ewropa kif ukoll għad-dinja fil-wisa’ kollha tagħha. Is-soċjetà ċivili organizzata jista’ jkollha rwol kruċjali f’dan ir-rigward. M’għandniex ninsew li tranżizzjoni ekoloġika ta’ suċċess teħtieġ, l-ewwel u qabel kollox, l-appoġġ taċ-ċittadini tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Enerġija Kadri Simson żiedet tgħid: “Il-relazzjonijiet mal-imsieħba tagħna se jinbidlu. Kulħadd irid ikun involut jekk irridu nsolvu l-kriżi klimatika. Sistema ġdida tal-enerġija se ġġib magħha relazzjonijiet ġodda.”

Barbara Pompili, il-Ministru Franċiż għat-tranżizzjoni ekoloġika, qalet li l-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni ekoloġika ser jaffettwaw b’mod drammatiku r-relazzjonijiet internazzjonali. L-Ewropa għandha tkun ambizzjuża kemm jista’ jkun fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, fil-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u fil-ġlieda kontra t-tniġġis. Is-solidarjetà għandha rwol vitali fl-iżgurar tal-Patt Ekoloġiku u fl-iżgurar ta’ tranżizzjoni verament ġusta. L-enfasi ewlenija għandha tkun fuq it-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur tal-enerġija, u l-azzjonijiet ġeopolitiċi tal-UE għandhom għalhekk jgħinu biex titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li jitnaqqsu r-riskji relatati mal-promozzjoni u l-espansjoni tal-użu tal-enerġija nadifa. Awtonomija strateġika miftuħa teħtieġ ktajjen tal-valur ġodda, fejn l-iżviluppi kollha għandhom ikunu akkumpanjati minn impjiegi lokali ta’ kwalità u redditi għall-komunitajiet lokali. (at)