Isabel Caño, Viċi President tal-KESE, inawgurat wieħed mis-sitt punti tat-tluq tat-tellieqa ta’ 20 kilometru ta’ Brussell.

’Il fuq minn 40 000 sportiv minn fost 137 nazzjonalità differenti ħadu sehem fit-tellieqa ta’ 20 km ta’ Brussell, li fid-19 ta’ Mejju 2019 iċċelebrat l-40 anniversarju tagħha. Din is-sena, it-tellieqa kienet ikaratterizzata mill-elezzjonijiet Ewropej u mis-slogan “Din id-darba se nivvota”.

Kien hemm ukoll 1 373 kompetitur minn fost il-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej – li kienu lebsin flokkijiet bis-slogan “Running for Europe” – li għalhekk kienu rappreżentati ferm f’din it-18-il darba li ħadu sehem fit-tellieqa. Ir-Re Philippe ta s-sinjal biex tibda t-tellieqa fil-punt tat-tluq li kien il-Parc du Cinquantenaire, u flimkien miegħu kien hemm, Isabel Caño, Viċi President tal-KESE, Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u Jaume Duch Guillot, Direttur Ġenerali tal-Komunikaazzjoni fil-Parlament Ewropew. L-aħjar ħinijiet inkisbu minn Alexandra Tondeur fost in-nisa (1:13:04) u Valentin Poncelet fost l-irġiel (1:00:34). It-tim tal-KESE info jifraħ lill-kollegi tagħna kollha tal-Kumitat li ħarġu jtellqu fit-toroq tal-belt kapitali u qasmu l-linja tal-wasla, fost l-oħrajn: Eleonora di Nicolantonio, Karin Füssl, Jakob Andersen, Johannes Kind u Joaquin Calvo Basarán. Prosit lil kulħadd!
Il-Viċi President Isabel Caño rringrazzjat lill-parteċipanti kollha f’isem l-UE, u indirizzatilhom dan il-messaġġ: “Dan l-avveniment ħoloq atmosfera ta’ ferħ kbir, konvivjalità, kondiviżjoni, entużjażmu komuni u, fuq kollox, spirtu ta’ bejn l-aħwa”. L-edizzjoni tal-2020 tat-tellieqa ta’ 20 kilometru hija skedata għall-31 ta’ Mejju.(ehp)