European Economic
and Social Committee
Il-KESE joħroġ twissija bikrija dwar l-impatt tat-tkabbir tal-UE fuq l-agrikoltura
Il-KESE ħareġ twissija bikrija dwar l-impatti agrikoli tat-tkabbir li jmiss tal-UE. Din l-espansjoni trid titqies fl-isfond ta’ sfidi globali sinifikanti, inklużi bidliet ġeopolitiċi, it-tibdil fil-klima, u t-tranżizzjonijiet fil-politiki dwar l-enerġija u l-ambjent. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ tħejjija bir-reqqa u aderenza mal-valuri tal-UE hekk kif jissieħbu membri ġodda.
Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-KESE adotta Opinjoni li tenfasizza l-kumplessitajiet tal-proċess ta’ tkabbir, li tenfasizza l-ħtieġa għal tħejjija, sostenibbiltà, u appoġġ ibbilanċjat kemm għas-setturi agrikoli attwali kif ukoll għal dawk tal-Istati Membri kandidati. Dan it-tkabbir għandu l-għan li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE u jnaqqas l-impatt ambjentali tal-agrikoltura. Madankollu, it-tkabbir wassal għal riżultati mħallta fil-passat, li spiss kienu iktar ta’ benefiċċju għal intrapriżi agrikoli akbar milli g]al azjendi agrikoli iżgħar u rurali.
Dan ġie indikat mir-relatur tal-Opinjoni, Stoyan Tchoukanov, li nnota li waqt li t-tkabbir tal-passat ġeneralment kien ta’ suċċess, dan ma kienx ta’ benefiċċju kemm għaż-żoni rurali kif ukoll għall-bdiewa fuq skala żgħira. Huwa enfasizza l-ħtieġa li s-sistema agrikola tiġi ġestita bir-reqqa biex jiġi evitat it-tfixkil.
Sabiex tiġi indirizzata miżinformazzjoni potenzjali u tiġi żgurata integrazzjoni bla xkiel, il-KESE jirrakkomanda l-ġbir komprensiv tad-data u l-monitoraġġ tar-riformi agrikoli. Il-pajjiżi kandidati se jkollhom jadattaw għall-politika agrikola komuni (PAK) li qed tevolvi, li issa iktar qed tenfasizza s-servizzi tal-ekosistema milli l-appoġġ tradizzjonali. It-tkabbir huwa mistenni li jżid iż-żona agrikola tal-UE b’mod sinifikanti, speċjalment bl-adeżjoni tal-Ukrajna, li waħedha tespandiha bi kwart.
Il-KESE jirrakkomanda approċċ ta’ integrazzjoni gradwali, b’baġits iddedikati biex jappoġġjaw is-sottosetturi agrikoli l-aktar milquta, b’mod partikolari l-SMEs. Ir-riformi futuri tal-PAK għandhom jiffukaw fuq is-sostenibbiltà, jissostitwixxu s-sussidji bbażati fuq l-ettari b’inċentivi bbażati fuq il-benefiċċji ambjentali u soċjetali.
B’mod ġenerali, il-KESE jappella għal proċess ta’ tkabbir bir-reqqa u appoġġjat sew biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jibbenefikaw minnu u li l-prattiki agrikoli tal-UE jibqgħu sostenibbli u ekwi fil-isfond ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru.