European Economic
and Social Committee
Biex tibqa’ kompetittiva, l-UE teħtieġ regoli aktar ġusti u aktar sempliċi
L-espansjoni transfruntiera fi ħdan l-UE tinvolvi n-navigazzjoni ta’ labirint ta’ regoli u burokrazija tal-VAT konfliġġenti li jżidu l-ispejjeż. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) iħabbtu wiċċhom ma’ piżijiet ta’ konformità sproporzjonati, li jagħmluha aktar diffiċli biex jespandu u jikkompetu. Il-KESE jappella għal riformi urġenti f’żewġ Opinjonijiet adottati matul il-plenarja tiegħu ta’ Frar, li jibnu fuq ir-rapporti ta’ Letta u Draghi. Il-proposti jinkludu l-armonizzazzjoni tar-regolamenti finanzjarji, ir-rappurtar ibbażat fuq l-IA u politika industrijali kkoordinata.
“Is-suq uniku huwa s-sinsla tal-prosperità ekonomika Ewropea, iżda għadu mhux komplut f’oqsma ewlenin bħall-finanzi, l-enerġija u s-servizzi diġitali,” qal il-President tal-KESE Oliver Röpke. “Fid-dibattitu tal-lum, saret enfasi fuq il-ħtieġa urġenti għal riformi biex jitneħħew l-ostakli u jissaħħaħ is-settur tas-servizzi, waqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fl-UE kollha”.
Maria Luís Albuquerque, Kummissarju għas-Servizzi Finanzjarji u għall-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, appoġġjat din is-sejħa: “Il-viżjoni tiegħi għall-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti hija li noħolqu l-ġid għaċ-ċittadini u t-tkabbir għall-kumpaniji tagħna billi niġbruhom flimkien f’ambjent sikur, kompetittiv, regolat u ssorveljat tajjeb.”
L-Opinjonijiet tal-KESE identifikaw żewġ sfidi kritiċi għall-kompetittività: il-frammentazzjoni fis-suq uniku, enfasizzata fir-rapporti Letta u Draghi u l-burokrazija eċċessiva li b’mod partikolari hija piż fuq l-SMEs. Dawn iż-żewġ fatturi joħonqu l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku.
X’inhi l-problema?
In-negozji fl-Ewropa huma mxekkla mill-kumplessità u d-duplikazzjoni ta’ regolamenti. Dan iwassal għal ħela ta’ ħin u flus, inaqqas ir-ritmu tal-Patt Ekoloġiku u jirrestrinġi l-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji ta’ daqs medju. Dan jirriżulta f’negozji frustrati, spejjeż ogħla għall-konsumatur u tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef.
Lil hinn mill-piżijiet regolatorji, l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi strutturali aktar profondi li jheddu l-kompetittività tagħha. Il-progress kajman fit-tlestija tas-suq uniku, id-disparitajiet fl-infrastruttura diġitali u tal-enerġija, u n-nuqqas ta’ politika industrijali koordinata qed jillimitaw il-kapaċità tal-UE li tikkompeti fuq livell dinji. Waqt li blokok ekonomiċi oħra qed jaġixxu malajr biex jattiraw l-investiment u jrawmu l-innovazzjoni, l-Ewropa qed tirriskja li taqa’ lura.
X’jista’ jsir?
It-tisħiħ tal-kompetittività jirrikjedi approċċ komprensiv, li jinkludi t-tneħħija tal-ostakli f’setturi ewlenin bħall-finanzi u l-enerġija, l-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali u l-iżgurar li l-SMEs ikunu jistgħu jespandu u jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi.
L-Opinjonijiet tal-KESE jipproponu:
- Is-semplifikazzjoni tar-regolamenti mingħajr ma jitbaxxew l-istandards ambjentali u soċjali.
- Il-ħolqien ta’ pjattaforma unika bbażata fuq l-IA biex tissemplifika r-rapportar għall-SMEs u għall-kumpaniji ta’ daqs medju, u b’hekk tħaffef il-konformità.
- L-armonizzazzjoni tar-regoli fis-setturi kollha biex jitnaqqas ix-xogħol amministrattiv ripetittiv.
- L-istandardizzazzjoni tar-regolamenti finanzjarji fl-Istati Membri kollha b’politika industrijali koordinata tal-UE.
- Ir-riforma tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) għal sistema aktar ġusta u inqas ta’ piż. (gb)