Fit-23 ta’ Frar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kummissjoni Ewropea organizzaw avveniment ewlieni għas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, li laqqa’ flimkien aktar minn 400 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Istati Membri kollha tal-UE biex jixħtu dawl fuq il-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi attwali u futuri.

L-avveniment Niltaqgħu mal-Promoturi tal-Eċċellenza stieden 35 promotur żagħżugħ tal-UE mill-kompetizzjonijiet reċenti WorldSkills u EuroSkills u mill-Abylimpics (Olimpjadi tal-ħiliet għall-persuni b’diżabilità), fejn il-kompetituri kienu pparteċipaw f’aktar minn 20 dixxiplina differenti, bħar-robotika mobbli, l-ICT, il-mekkanika, id-disinn grafiku, it-teknoloġiji tal-karozzi u l-kostruzzjoni.

Il-promoturi qasmu stejjer ta’ ispirazzjoni tal-perkorsi tat-tagħlim u l-karriera tagħhom. Spettaturi żgħażagħ setgħu josservaw u jitgħallmu dwar ħiliet tradizzjonali u ġodda matul dimostrazzjonijiet speċifiċi f’oqsma bħall-floristrija, it-tiżbigħ tal-karozzi, ir-robotika u r-realtà virtwali, li kienu jinkludu taħditiet dwar l-integrazzjoni tas-sistema tar-robot, robot għat-tneħħija tal-mini għall-Ukrajna u disinjar permezz tal-kompjuter tal-inġinerija mekkanika.

L-għan kien li jiġu promossi l-benefiċċji u l-opportunitajiet offruti mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), speċjalment fl-isfond tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u d-dinja futura tax-xogħol. Il-VET huma rilevanti wkoll fil-kuntest attwali ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet u nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fl-UE, fejn aktar minn tliet kwarti tal-kumpaniji jirrapportaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa.

Il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “ Il-ħiliet huma l-ingredjent ewlieni biex tissaħħaħ il-pożizzjoni taż-żgħażagħ sabiex jirnexxu kemm fil-ħajja personali kif ukoll fil-karrieri tagħhom. Bit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi li għaddejjin, għandna s-setgħa, permezz tal-ħiliet, mhux biss li nadattaw iżda wkoll li nsawru l-impjiegi ta’ għada”.

Nicolas Schmit, Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, qal: “It-taħriġ vokazzjonali joffri tant opportunitajiet fis-suq tax-xogħol tal-lum. Ninsab konvint li l-VET għandhom il-potenzjal jgħinuna nindirizzaw in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema li qed iżommu lura l-industriji tal-Ewropa”.

L-avveniment wera li l-VET huwa għażla eċċellenti, li toffri prospetti ta’ karriera b’saħħithom u opportunitajiet ta’ xogħol aktar rapidi għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti li jkunu qed ifittxu li jibdlu l-impjiegi jew sempliċiment jaġġornaw is-sett ta’ ħiliet eżistenti tagħhom. Madankollu, ħafna drabi tibqa’ t-tieni għażla għal ħafna studenti prospettivi. Fl-2021, ftit aktar minn nofs l-istudenti kollha rreġistrati f’edukazzjoni ta’ livell medju fl-UE kienu fi programmi b’orjentazzjoni vokazzjonali.

Fl-2022, kważi 80 % tal-gradwati reċenti tal-VET irnexxielhom isibu impjieg, fejn l-objettiv tal-UE hu li tilħaq mira ta’ 82 % sal-2025. (ll)