European Economic
and Social Committee
Il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa jappella lis-soċjetà ċivili biex tgħin fit-twettiq tal-viżjoni tiegħu għal Ewropa aktar b’saħħitha u kompetittiva
António Costa, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew, jiddeskrivi l-prijoritajiet ewlenin tiegħu għall-UE waqt l-ewwel żjara tiegħu fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Huwa enfasizza l-kompetittività bħala l-pedament għall-prosperità tal-Ewropa, u saħaq dwar l-importanza li din tiġi kkombinata mad-drittijiet soċjali biex jinbena futur sostenibbli. Il-President tal-KESE Oliver Röpke tenna dan, u qal li “Il-kompetittività trid tkun effettiva għal ħafna, mhux għal ftit.”
Waqt li tkellem fis-sessjoni plenarja tal-KESE ftit jiem wara li beda l-mandat tiegħu fl-1 ta’ Diċembru, is-Sur Costa appella għal azzjoni kollettiva urġenti. “Ninsabu fit-triq it-tajba. Għamilna d-dijanjożi, għandna proposti ambizzjużi, iżda jrid jkollna rieda politika. Ejjew niffokaw fuq it-tkabbir, l-impjiegi u Ewropa soċjali, sabiex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum tkun tista’ tħares lura u tgħid: dan kien il-mument meta żgurajna l-prosperità tagħna.”
Il-kompetittività u r-riformi mfassla apposta huma fil-qalba tal-aġenda tas-Sur Costa. Huwa ppropona t-tiġdid tas-suq uniku, it-tnaqqis ta’ regolamenti żejda, u l-investiment fil-ħiliet u l-innovazzjoni biex isaħħu l-ekonomija tal-Ewropa. Żied jgħid li “għandna bżonn kumpaniji b’saħħithom – mhux għax huma orħos iżda għax jinnovaw b’ideat u b’forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati”. Is-Sur Costa appella wkoll għal riformi bbażati fuq il-prestazzjoni u mnebbħa min-Next Generation EU: “Din hija loġika tajba għall-futur.” Huwa ħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-baġit tal-UE li jmiss b’sens ta’ ftuħ.
“Il-kompetittività mhijiex biss kwistjoni ta’ għanijiet ekonomiċi; tikkonċerna wkoll il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-Ewropej kollha u t-trawwim tar-reżiljenza,” qal is-Sur Röpke. “It-tkabbir ekonomiku jrid jimxi id f’id mal-progress soċjali, waqt li jiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.”
Is-Sur Costa faħħar ir-rwol tal-KESE fit-trawwim tad-djalogu soċjali, u rrefera għalih bħala “il-mudell Ewropew” għall-konnessjoni mal-pubbliku. “Id-djalogu soċjali jippermettilna nsibu soluzzjonijiet sostenibbli permezz ta’ negozjati kostanti bejn ir-rappreżentanti differenti tas-soċjetajiet tagħna. Dan huwa essenzjali, speċjalment issa,” huwa qal.
Id-dibattitu fil-plenarja indirizza t-tħassib ewlieni, inklużi l-akkomodazzjoni, il-migrazzjoni u l-ispejjeż tal-enerġija – kwistjonijiet li s-Sur Costa identifika bħala prijoritajiet. Is-Sur Röpke saħaq dwar il-ħtieġa għal soluzzjonijiet prattiċi, u enfasizza l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid, l-akkomodazzjoni affordabbli u t-tranżizzjoni ekoloġika. “Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ biex jintroduċi l-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-proċess biex tissawwar Ewropa inklużiva, reżiljenti u lesta għall-isfidi tal-futur.” (gb)