Fl-UE, kull lejl, kważi 900 000 persuna ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jorqdu barra fit-triq jew f’xi refuġju. Il-problema ta’ persuni mingħajr dar żdiedet b’aktar mid-doppju f’dawn l-aħħar 15-il sena, u għalhekk il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jieħdu azzjoni.

Il-KESE qed jappella għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u jitlob li malajr kemm jista’ jkun jiġu adottati politiki nazzjonali effettivi f'dan ir-rigward biex sal-2030 titnaqqas b’mod sostanzjali dik li hija waħda mill-aktar forom estermi ta’ esklużjoni soċjali.

“Nappellaw għal strateġija tal-UE kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar li tintegra bis-sħiħ il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u li tippermetti li l-politiki nazzjonali dwar din il-kundizzjoni jiġu inklużi fis-Semestru Ewropew,” qalet Maria del Carmen Barrera Chamorro, relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-persuni mingħajr dar.

L-Istrateġija trid tiġi appoġġjata minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u l-KESE jappella lill-Presidenza Belġjana l-ġdida tal-Kunsill tal-UE biex tibda taħdem fuqha. Jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tfassal mingħajr dewmien proposta għal programm multiannwali ġdid ta’ ħidma li jkompli tul il-mandat li jmiss kollu.

“Il-KESE jrid li l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tibqa’ prijorità tal-politika soċjali għall-UE fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej u l-perjodu ta’ wara. Neħtieġu bidla strateġika fl-enfażi minn li niġġestixxu din il-kundizzjoni għal li effettivament neliminawha sal-2030”, qal Ákos Topolánszky, il-korelatur tal-Opinjoni.

Il-KESE ssuġġerixxa li b’mod attiv jiġi promoss il-prinċipju ta’ “l-akkomodazzjoni l-ewwel” biex tiġi indirizzata l-kundizzjoni kronika ta’ persuni mingħajr dar. Skont dan il-prinċipju, l-akkomodazzjoni mhijiex biss kenn: hija wkoll għodda għar-riintegrazzjoni. Dan jipprovdi soluzzjonijiet fit-tul ta’ akkomodazzjoni u ma jiddependix minn kundizzjonijiet bħall-bżonn li wieħed juri żvilupp personali jew li jaċċetta l-appoġġ.

L-approċċ immexxi mill-akkomodazzjoni diġà ġie approvat fid-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona, li ġiet iffirmata mis-27 Stat Membru kollha tal-UE, l-istituzzjonijiet Ewropej u diversi NGOs Ewropej fl-2021. Id-Dikjarazzjoni hija l-bażi politika għall-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, u l-firmatarji tagħha impenjaw ruħhom li jikkooperaw dwar il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fil-livell tal-UE u li jaħdmu biex dan il-fenomenu jintemm sal-2030. Madankollu, fl-Opinjoni l-KESE jirrimarka li, minkejja l-isforzi politiċi, mhux qed isir biżżejjed biex il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tiġi indirizzata fil-livell Ewropew jew nazzjonali.

Matul l-aħħar 20 sena, il-Finlandja hija l-uniku pajjiż li rnexxielu jnaqqas dan il-fenomenu b’mod konsistenti. (ll)