F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona strateġija biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni b’popolazzjoni baxxa tal-UE. Il-KESE qed jappella sabiex l-azzjoni tal-UE tittieħed permezz tal-politika ta’ koeżjoni, u jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji mfasslin apposta, data affidabbli u mekkaniżmi speċifiċi għat-tkabbir sostenibbli.

 

Ir-reġjuni mbiegħda tal-UE, minn gżejjer sa żoni muntanjużi u żoni skarsament popolati, qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jxekklu l-progress tagħhom. Il-gżejjer iżolati jiffaċċjaw spejjeż għoljin minħabba l-iżolament tagħhom, waqt li t-tibdil fil-klima joħloq riskji għaż-żoni muntanjużi. Il-popolazzjonijiet li qed jonqsu f’żoni skarsament popolati jeżiġu strateġiji innovattivi ta’ tkabbir. Ir-relatur tal-KESE Ioannis Vardakastanis jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ approċċi mfasslin apposta, li jirrikonoxxu l-karatteristiċi distinti ta’ kull reġjun. Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat jirrakkomanda azzjoni koeżiva tal-UE, u jenfasizza s-solidarjetà reġjonali biex tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni. Il-KESE jipproponi li tintuża l-bażi legali b’saħħitha tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, u jirrakkomanda fondi u patti speċifiċi bħall-“Patt tal-Gżejjer” jew il-“Patt dwar iż-Żoni Muntanjużi” biex jiġu indirizzati sfidi uniċi, li jirriflettu strateġiji ta’ suċċess fiż-żoni urbani u rurali. Is-soluzzjonijiet jinkludu aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li jeħtieġu diversi miżuri, mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat sat-trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u l-preservazzjoni tal-kultura lokali. It-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati jiddependi minn data preċiża u l-bini tal-kapaċità, il-promozzjoni ta’ djalogu attiv fost il-partijiet ikkonċernati tal-UE, nazzjonali u lokali biex jitfasslu politiki li jirriflettu ċ-ċirkostanzi uniċi ta’ dawn ir-reġjuni fi ħdan l-UE. (tk)