Il-KESE ddeskriva viżjoni għat-trasformazzjoni tas-sistemi tal-UE tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-ikel biex jiġu żgurati r-reżiljenza u s-sostenibbiltà fi żminijiet ta’ kriżi. 

F’Opinjoni adottata f’Ottubru, il-KESE appella għal sistema tal-ikel li tkun kompetittiva, reżistenti għall-kriżijiet u allinjata mal-għanijiet ambjentali u soċjali tal-UE. Enfasizzat is-sigurtà tal-ikel, introjtu ġust għall-produtturi, ir-reżiljenza ambjentali u l-appoġġ għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ produtturi tal-ikel.

“L-iżgurar ta’ dħul stabbli u sostenibbli għall-produtturi huwa essenzjali, l-istess bħat-trawwim ta’ politika tal-ikel ibbażata fuq l-għarfien li tħeġġeġ l-innovazzjoni,” qal Arnold Puech d’Alissac, il-President tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Bdiewa u wieħed mit-tliet relaturi tal-Opinjoni.

Biex jappoġġja dan, il-KESE jipproponi li tissaħħaħ is-setgħa ta’ negozjar tas-settur tal-biedja fin-negozjati dwar il-prezzijiet u li jiżdied il-finanzjament tal-UE għall-agrikoltura u s-sajd. Jitlob ukoll li l-ftehimiet kummerċjali futuri jinkorporaw l-istandards tal-Patt Ekoloġiku u tal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, u jiżguraw kompetizzjoni ġusta u kwalità għolja tal-ikel.

“L-iżgurar ta’ dħul ġust għall-produtturi primarji huwa kritiku,” qalet Piroska Kállay, relatur ieħor għall-Opinjoni.

Għal dan l-għan, il-KESE appella għal infurzar aktar strett tal-prattiki kummerċjali ġusti u projbizzjoni fuq il-bejgħ taħt il-livell tal-kostijiet, sabiex tiġi bbilanċjata mill-ġdid il-katina tal-provvista tal-ikel. Il-politiki li jippromovu t-tiġdid ġenerazzjonali, li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ u n-nisa, inklużi l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ għall-kooperattivi, huma wkoll ta’ importanza kbira.

Sabiex tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà, il-KESE rrakkomanda li jiġu ppremjati l-isforzi ta’ sekwestru tal-karbonju, bħall-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, u l-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. “Dawn il-miżuri jgħinu biex il-produzzjoni tal-ikel tiġi allinjata mal-miri klimatiċi tal-UE u mal-impenji ambjentali globali,” qal Joe Healy, relatur ieħor.

Proposta oħra hija sistema ta’ assigurazzjoni pubblika biex tipproteġi lill-produtturi minn diżastri relatati mal-klima, u tiżgura l-kontinwità tal-provvista tal-ikel.

Il-KESE appella għal politiki biex tiġi restawrata s-saħħa tal-ħamrija u tal-ilma, tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u jitnaqqas l-użu, flimkien mat-tnaqqis tal-burokrazija u t-tisħiħ tat-trasparenza bit-traċċar diġitalizzat tal-prezzijiet u tal-ispejjeż.

Fl-aħħar nett, il-KESE rrakkomanda li jiġi stabbilit Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel biex jitrawwem id-djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-ikel u biex il-politika dwar l-ikel tiġi allinjata ma’ objettivi soċjali u ambjentali usa’. Dawn il-proposti jipprovdu pjan direzzjonali biex is-sistemi tal-ikel tal-UE jsiru aktar reżiljenti, sostenibbli u ekwi fid-dawl tal-isfidi globali.(ks)