European Economic
and Social Committee
“Jekk id-diżastri klimatiċi reċenti mhumiex biżżejjed għal ftehim fil-COP28, mela x’inhuwa?”
Bħala delegat żagħżugħa li se nattendi l-ewwel darba l-COP, se mmur b’moħħ miftuħ kif ukoll b’ottimiżmu inġenwu. Din il-ġimgħa, it-temperaturi globali telgħu għal 2 gradi ogħla mil-livelli preindustrijali. Jekk dan, flimkien mal-għargħar orribbli, in-nirien fis-selvaġġ, in-nixfiet, u t-terremoti li esperjenzajna din is-sena biss madwar id-dinja, mhuwiex biżżejjed sabiex jintlaħaq ftehim biex jintemm l-użu tal-fjuwils fossili, f’konformità mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Fjuwils Fossili, ma nafx x’jista’ jkun biżżejjed.
Huwa proprju f’waqtu li l-ħidma tad-delegazzjoni tagħna se tiffoka fuq l-Agrikoltura u s-Sigurtà tal-Ikel, il-Programm ta’ Ħidma għal Tranżizzjoni Ġusta, u l-Finanzjament għall-Klima. Magħhom se nżid ukoll l-interessi tiegħi, li jinkludu l-Ġustizzja Klimatika, u l-intersezzjoni tat-tibdil tal-klima u tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Paċi u s-Sigurtà.
Minkejja li ż-żgħażagħ għandhom aċċess limitat għall-kmamar tan-negozjati, nemmen li l-vuċi tagħna se tkun kruċjali fit-tfassil tal-eżiti tal-COP28. Huwa grazzi għall-pressjoni bla waqfien taż-żgħażagħ fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li għandna l-ftehimiet dwar il-klima, minkejja li dawn jonqsu milli jipprovdu dak li huwa verament meħtieġ. Nemmen li l-vuċi taż-żgħażagħ hija wkoll valida u għandha tinstema, speċjalment meta jitqies il-fatt li aħna se jkollna niffaċċjaw ir-riżultati tan-nuqqas ta’ azzjoni klimatika għal perjodu twil ta’ żmien.
Il-passjoni tiegħi għall-azzjoni klimatika hija bbażata fuq tliet fatturi fundamentali:
- Ir-realizzazzjoni li t-tibdil fil-klima huwa indiskriminat u jaggrava kwistjonijiet oħra bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-paċi u s-sigurtà.
- L-abbundanza ta’ informazzjoni disponibbli li tawtonomizza liż-żgħażagħ biex jedukaw lilhom infushom u jkunu konxji tal-impatt globali tat-tibdil fil-klima.
- Il-frustrazzjoni tan-nuqqas ta’ azzjoni klimatika minn dawk li jieħdu d-deċiżjoni, li ġġiegħlna nitolbu għal bidla.
Fil-COP28, jiena ħerqana biex niltaqa’ ma’ persuni li ġejjin minn sfondi differenti, nisma’ l-istejjer tagħhom, u nespandi l-għarfien tiegħi u nkebbes mill-ġdid it-tama tiegħi għall-futur. Madankollu, ninsab inkwetata dwar il-possibbiltà li dan l-eċitament jista’ jinbidel f’biża’ skont l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula.