Minn Danko Relić, membru tal-Grupp tal-KESE tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u relatur tal-Opinjoni SOC/720

Biex jiġu żviluppati sistemi tal-kura u tas-saħħa li huma b’saħħithom u reżiljenti fl-Unjoni Ewropea, neħtieġu forza tax-xogħol istruwita, kwalifikata u motivata. Neħtieġu sistemi tal-kura u tal-kura tas-saħħa li jiffukaw fuq in-nies, drittijiethom u ħtiġijiethom.

Dan ifisser ukoll li n-nies għandhom jieħdu sehem fid-diskussjonijiet, il-konsultazzjonijiet u d-deċiżjonijiet rilevanti kollha. Jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet, se nkunu nistgħu niksbu kopertura tas-saħħa ċċentrata fuq il-bniedem għal kulħadd u d-“dritt għas-saħħa”, kif irrakkomandat il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Huwa biss b’dan il-mod li se nkunu nistgħu niggarantixxu li l-Ewropej kollha jkollhom aċċess ugwali u sostenibbli għall-kura tas-saħħa li hija affordabbli, preventiva, kurativa u ta’ kwalità għolja.

Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja Strateġija dwar il-forza tax-xogħol u l-kura fil-qasam tas-saħħa (SOC/720) adottata reċentement, il-KESE jappella sabiex jinħoloq servizz ta’ sorveljanza tal-forza tax-xogħol tas-saħħa Ewropea sabiex jgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu strutturi ta’ ppjanar u jikkoordinaw aspetti transfruntiera tal-ippjanar. Dan ikun marbut mad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-kura. Il-Kumitat jipproponi wkoll li jiġi aġġornat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa u tal-Kura fl-Unjoni Ewropea, inklużi l-ippjanar u t-tbassir integrat tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u tal-kura u l-adattament tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u l-kura fit-tul.

Kun af aktar dwar l-Opinjoni SOC/720 fuq: https://europa.eu/!9YgygW