European Economic
and Social Committee
Id-drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt: wasal iż-żmien li mir-rakkomandazzjonijiet ngħaddu għall-azzjoni!
Fis-26 ta’ Settembru, il-KESE organizza konferenza dwar l-aħħar Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt biex jiddiskuti modi kif jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport jirriżultaw f’titjib tanġibbli fl-Istati Membri.
Ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt għall-ewwel darba jinvolvi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fir-rigward tal-ġustizzja, il-korruzzjoni, il-media, u sistema ta’ kontrokontrolli. Il-progress kien irregolari fl-Unjoni, u għad hemm tħassib serju f’għadd ta’ Stati Membri.
“L-UE għandha dejjem tuża l-għodod kollha tagħha – inkluża l-kondizzjonalità baġitarja – biex tindirizza kwalunkwe attakk ġdid fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem, hekk kif jitfaċċaw, u kull fejn iseħħu,” qalet il-President tal-KESE Christa Schweng, li fetħet il-konferenza.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders, spjega li “Din is-sena reġgħet uriet li huwa fundamentali li tiġi ankrata kultura b’saħħitha tal-istat tad-dritt fl-UE. Hekk kif naħdmu flimkien biex ngħinu lill-Ukrajna tiddefendi s-sovranità u l-integrità tagħha, nistgħu nibqgħu kredibbli biss jekk nipproteġu l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea wkoll.”
Il-konferenza kienet ukoll opportunità biex jiġi ppreżentat it-tieni rapport ta’ sinteżi mill-Grupp tal-KESE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt, li jagħti ħarsa ġenerali lejn iż-żjarat fil-pajjiżi organizzati mill-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt fid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Ċipru u l-Litwanja fl-2020 u l-2021. Cristian Pîrvulescu, President tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt, spjega li “Filwaqt li s-sistemi demokratiċi fil-pajjiżi li żorna wrew livell tajjeb ta’ reżiljenza b’mod ġenerali, il-ħtieġa għal salvagwardji u sistema effettiva ta’ kontrokontrolli, inkluż ir-rwol ta’ għassies li taqdi s-soċjetà ċivili, kienet aktar ċara minn qatt qabel.”
Fil-kummenti tal-għeluq tagħha, Edita Hrdá, Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika Ċeka għall-UE, enfasizzat l-importanza tas-soċjetà ċivili: “Is-soċjetà ċivili kapaċi tagħti l-ħajja lid-drittijiet tal-bniedem. Il-promozzjoni tal-Istat tad-Dritt hija kompitu dejjiemi li ma jeħtieġx biss il-kooperazzjoni tagħna, iżda wkoll viġilanza kostanti.” (gb)