European Economic
and Social Committee
Il-KESE jeleġġi lil Christa Schweng, mill-Awstrija, għall-ogħla kariga tiegħu
Magħqudin għall-ġejjieni tal-Ewropa: il-President il-ġdida hija determinata biex terġa’ tibni l-unità u r-reputazzjoni tal-KESE u turi l-valur miżjud tiegħu biex jinfluwenza t-tiswir tal-politika fil-livell tal-UE
Christa Schweng mill-Awstrija saret it-33 President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-ħames mara li tmexxi l-korp tal-UE li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata sa mit-twaqqif tiegħu fl-1958. Iż-żewġ Viċi Presidenti l-ġodda eletti biex jingħaqdu magħha fit-tmexxija tal-KESE huma Giulia Barbucci (l-Italja) għall-baġit u Cillian Lohan (l-Irlanda) għall-komunikazzjoni.
Is-Sinjura Schweng ġġib magħha esperjenza estensiva u għarfien profond dwar kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi, li hija kisbet matul għoxrin sena ta' ħidma konsultattiva kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'pajjiżha, l-Awstrija.
Hija ilha sa mill-1994 konsulent għoli tad-Dipartiment tal-Politika Soċjali tal-Kamra Ekonomika Federali Awstrijaka.
Ewropea konvinta, hija ilha 22 sena membru tal-KESE fi ħdan il-Grupp ta’ Min Iħaddem.
Wara l-ħatra tagħha, is-Sinjura Schweng qalet: “Dan il-mandat ser ikun immarkat mill-COVID-19 u, sfortunatament, minn żminijiet ta’ inċertezza u piżijiet ekonomiċi u soċjali, fejn l-intrapriżi qed ibatu biex jibqgħu fuq saqajhom u l-ħaddiema qed jitilfu l-impjieg tagħhom. Fil-kuntest attwali, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li ningħaqdu flimkien, niżviluppaw viżjoni għal Ewropa ġdida wara l-COVID-19 u nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-Kumitat tagħna jipprovdi kontribut qawwi għall-irkupru tal-Ewropa u r-reżiljenza futura tagħha. Dan ser jimxi id f’id mal-bini mill-ġdid ta’ KESE aktar magħqud, effettiv u apprezzat ħafna.”
F'dan l-ispirtu, il-motto tal-Presidenza tas-Sinjura Schweng huwa "Magħqudin għall-ġejjieni tal-Ewropa".
Il-President il-ġdid wiegħdet li taġixxi immedjatament biex terġa’ tiġi restawrata r-reputazzjoni tal-KESE u terġa’ tinbena l-fiduċja fl-istituzzjoni wara li dan l-aħħar il-Kumitat tenna l-impenn sod tiegħu biex jiġġieled il-fastidju fuq il-post tax-xogħol.
“Neħtieġu Kumitat li huwa magħqud u li jissodisfa l-ogħla standards etiċi, Kumitat b’immaġni eċċellenti,” qalet is-Sinjura Schweng, filwaqt li żiedet li l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-KESE għall-Membri u r-Regoli ta’ Proċedura ser jissaħħu fil-bidu tal-mandat tagħha.
Peress li l-presidenza tal-KESE tinbidel f’nofs il-mandat, il-mandat tal-Bureau l-ġdid immexxi mis-Sinjura Schweng, li tkompli minn fejn ħalla l-predeċessur tagħha Luca Jahier, ser idum sentejn u nofs, sa Marzu 2023.
Il-programm tal-President ser ikun ibbażat fuq il-prijoritajiet li ġejjin, li huma konformi mal-viżjoni tagħha ta’ Ewropa wara l-COVID-19 li tippermetti liċ-ċittadini tagħha jirnexxu u jgħixu f’soċjetà miftuħa u bbażata fuq il-valuri: Ewropa li qed issir ekonomikament prosperuża; Ewropa li hija soċjalment inklużiva; u Ewropa li hija ambjentalment sostenibbli.
Ir-raba’ prijorità hija li jiġi żgurat li l-KESE jaqdi rwol vitali fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li hija inizjattiva importanti li għandha tagħti lill-Ewropej sens ta’ sjieda tal-UE tagħhom billi tippermettilhom jiddibattu suġġetti ewlenin tal-UE u se ttejjeb il-mod kif taħdem l-UE.(ll)