European Economic
and Social Committee
Il-KESE jiċċelebra s-suċċess tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini “Ewropa ħielsa mill-Pil tal-Annimali”
Fl-20 ta’ Settembru 2023, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita diskussjoni li tenfasizza l-kisbiet tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Ewropa ħielsa mill-Pil tal-Annimali”. Fil-qalba tagħha, l-inizjattiva hija sejħa qawwija għal kontinent ħieles mill-pil tal-annimali, li tinsisti għal projbizzjoni totali tat-trobbija tal-annimali għall-pil u tal-bejgħ ta’ prodotti tal-pil fis-swieq Ewropej.
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Ewropa ħielsa mill-Pil tal-Annimali” ġabret l-appoġġ ta’ 1,5 miljun ċittadin Ewropew, li laħqu l-limiti meħtieġa fi 18-il Stat Membru f’inqas minn 10 xhur. Dawn iċ-ċifri jirriflettu l-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-aktar stħarriġ speċjali reċenti tal-Ewrobarometru, li t-tnejn li huma approvaw b’mod qawwi standards ogħla tal-benessri tal-annimali.
“L-impenn attwali tal-Kummissjoni Ewropea li tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-benesseri tal-annimali matul il-mandat attwali tagħha huwa opportunità kruċjali biex tinkiseb Ewropa ħielsa mill-pil”, ħeġġet Elise Fleury, organizzatur tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u Kap tal-Kampanja, Eurogroup għall-Annimali.
Tilly Metz, membru tal-Parlament Ewropew u President tal-Intergrupp dwar il-Benesseri u l-Konservazzjoni tal-Annimali, tenna dan is-sentiment: “Is-suċċess rapidu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ‘Ewropa ħielsa mill-Pil tal-Annimali’ jenfasizza t-tħassib profond fost iċ-ċittadini għall-annimali sfruttati u jappella għal azzjoni deċiżiva tal-UE. Is-sempliċi titjib tal-istandards tal-benesseri tal-annimali mhux biżżejjed f’dan il-każ. Wasal iż-żmien li ntemmu dan in-negozju krudili u bla bżonn”.
Fit-12 ta’ Ottubru, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Ewropa ħielsa mill-Pil tal-Annimali” se tippreżenta l-inizjattiva tagħha waqt seduta pubblika organizzata mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew. Il-KESE se jipparteċipa b’mod attiv f’dan l-avveniment biex jestendi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva. Opinjoni li jmiss tal-KESE se tindirizza wkoll b’mod speċifiku l-proposti l-ġodda dwar il-benesseri tal-annimali u l-kundizzjonijiet tat-trasport tal-annimali mistennija mill-Kummissjoni Ewropea sa tmiem l-2023.
Il-President tal-KESE Oliver Röpke faħħar din l-inizjattiva ta’ suċċess u enfasizza: “Irrid nagħti nifs ġdid lill-parteċipazzjoni attiva tal-KESE fl-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u nipprovdilhom pjattaforma demokratika biex jinfluwenzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE. Ibqgħu ċerti li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mhux talli se jsegwi b’attenzjoni l-iżviluppi ulterjuri dwar dan is-suġġett iżda se jikkontribwixxi wkoll b’mod attiv”.