Il-KESE jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex jimplimentaw strateġija komprensiva u olistika għal żvilupp rurali u urban bilanċjat, koeżiv, ekwu u sostenibbli. Dan se jinvolvi l-isfruttar għaqli tar-rwol tal-komunitajiet lokali, it-tisħiħ tal-industriji tradizzjonali u l-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi u opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda fiż-żoni rurali, filwaqt li jitrawmu sinerġiji maż-żoni urbani.

L-Opinjoni tal-KESE Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali/urban sostenibbli tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet, ibbażati fuq l-involviment ta’ diversi partijiet u approċċ minn isfel għal fuq, li huma l-ingredjenti ewlenin sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u s-sjieda lokali tal-politiki rurali.

Koordinazzjoni trasversali u politiki mfasslin apposta huma kruċjali

“Huwa essenzjali li nimxu lejn approċċ integrat għall-azzjoni u l-finanzjament fil-politiki varji li għandhom impatt fuq iż-żoni rurali. Jeħtieġ li jiġi żgurat li ż-żoni rurali ma jkunux biss sostenibbli iżda anke postijiet attraenti biex wieħed jgħix fihom. Il-kwalità tal-ħajja fid-dinja rurali se titkejjel biż-żieda fl-għadd ta’ żgħażagħ u inizjattivi ġodda li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità u mħallsa tajjeb”, indika r-relatur Josep Puxeu Rocamora. (mr)