Professor Andrea Renda, CEPS

Bis-saħħa tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali u l-Att dwar id-Data, l-UE qed tieħu żewġ passi oħra lejn il-ħolqien ta’ spazju diġitali li jpoġġi lin-nies fil-qalba tiegħu:, dan ġie enfasizzat f’dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Ġunju.

Fis-sessjoni plenarja tal-15 ta’ Ġunju, il-KESE ospita dibattitu dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali mal-Professur Andrea Renda, Riċerkatur ta’ Livell Għoli u Kap tal-Governanza Globali, ir-Regolamentazzjoni, l-Innovazzjoni u l-Ekonomija Diġitali fiċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS). Id-dibattitu kien marbut mal-adozzjoni tal-Opinjonijiet tal-KESE dwar l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali u l-Att dwar id-Data.

Professur Renda esprima appoġġ kemm għad-dikjarazzjoni kif ukoll għall-att bħala żewġ ħoloq tal-katina tas-sistema regolatorja tal-UE, li tikkostitwixxi alternattiva għall-Istati Uniti, iddominata minn governanza privata f’idejn megakorporazzjonijiet, u ċ-Ċina kkontrollata mill-Istat, fejn id-data tinkiseb minn kumpaniji ġganti tat-teknoloġija saret għodda tas-sorveljanza tal-massa min-naħa tal-gvern.

“Għandna dawn l-ideat dwar is-sikurezza u s-sigurtà, li jirrikjedu mhux biss iktar individwi u kumpaniji privati responsabbli, iżda wkoll gvernijiet iżjed attenti u b’saħħithom li għandhom l-għodod biex jaraw x’inhu bla periklu u sigur u x’inhu fil-punt li jevolvi f’xi ħaġa li la hija bla periklu u lanqas sigura” qal. “U nitkellmu dwar is-sostenibbiltà – mhux biss ambjentali, iżda wkoll dejjem aktar sostenibbiltà ekonomika u soċjali, għax il-mudell li rajna s’issa mhux sostenibbli soċjalment u ekonomikament.”

“Huwa rilevanti ferm li nimpenjaw lill-UE fil-konfront tad-drittijiet u l-prinċipji diġitali biex jiġi indirizzat id-distakk diġitali prevalenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati online għal popolazzjonijiet li qed jixjieħu u dawk rurali,” qal Philip von Brockdorff, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar l-abbozz ta’ dikjarazzjoni. 

Huwa enfasizza li d-dikjarazzjoni jenħtieġ li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli mhux biss b’rabta mal-ambjent, iżda wkoll fir-rigward tas-sostenibbiltà soċjali, bil-għan li jitnaqqsu l-effetti dannużi u billi jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tat-teknoloġiji diġitali fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

Fil-preżentazzjoni tal-Opinjoni tal-KESE dwar l-Att dwar id-Data, ir-relatur Marinel Dănuț Muresan enfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tħassib leġittimu tas-soċjetà ċivili: “Is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE hija importanti ħafna. Kull parti kkonċernata jeħtieġ li jkollha aċċess. Irridu niżviluppaw ċentri tad-data li jsegwu r-regoli dwar iċ-ċibersigurtà, jiżguraw li jkun hemm taħriġ professjonali kontinwu għal kull min jipproċessa d-data u aċċess ġust għall-partijiet ikkonċernati kollha u, b’mod partikolari, l-SMEs.” (dm)