Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Iridu jittieħdu miżuri sabiex il-ħaddiema u l-familji li diġà għandhom diffikultajiet sabiex ilaħħqu mal-ħajja ma jispiċċawx f’faqar assolut hekk kif l-inflazzjoni tnaqqrilhom il-valur tal-pagi tagħhom kull xahar.

L-inflazzjoni hija proċess ikkumplikat b’diversi kawżi. Madankollu, l-effetti tagħha huma ċari u diretti: il-ħaddiema u l-familji madwar l-Ewropa qed jaraw is-salarji tagħhom jonqsu b’mod effettiv u t-tfaddil tagħhom jitnaqqar. Kif ġeneralment ikun il-każ, dawk l-aktar vulnerabbli huma wkoll l-aktar milquta b’mod sever, peress li l-marġnijiet tagħhom kienu diġà limitati (jekk kien hemm). Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezzijiet li qed nesperjenzaw hija partikolarment evidenti fil-każ ta’ oġġetti bażiċi għall-biċċa l-kbira tal-ħaddiema, fosthom l-ikel, l-elettriku, it-tisħin, u l-fjuwil. 

Data tal-BĊE turi li fl-2008 kien hemm xi tip ta’ indiċjar awtomatiku bejn iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-pagi (il-Belġju, Spanja, Franza, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u Spanja), jew indiċjar mhux awtomatiku iżda xorta waħda skont xi linji gwida (il-Greċja, l-Italja u l-Finlandja). Wara l-miżuri ta’ awsterità wara l-kriżi tal-2008, il-Belġju u l-Lussemburgu biss żammew, u bħalissa għandhom, indiċjar awtomatiku. L-Italja, Ċipru, u Malta għandhom xi tip ta’ indiċjar mhux awtomatiku (BĊE). Dawn il-miżuri ġeneralment huma bbażati fuq l-għoli tal-ħajja ġenerali, u filwaqt li jgħinu, bilkemm jistgħu jtaffu l-effetti taż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi msemmija hawn fuq. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-UE ma għandha l-ebda waħda minn dawn is-sistemi. Għalhekk huwa saħansitra aktar importanti li tingħata assistenza addizzjonali lil dawk l-aktar vulnerabbli, u li jiġu indirizzati kemm jista’ jkun l-għeruq taż-żieda fil-prezzijiet. Fuq medda qasira ta’ żmien, xi wħud mill-kawżi tal-inflazzjoni mhumiex kontrollabbli, jiġifieri l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Il-limitazzjonijiet strutturali għall-ktajjen tal-provvista globali wara l-COVID-19 iridu jiġu indirizzati wkoll, fost inċertezza dejjem akbar. Huma meħtieġa soluzzjonijiet fit-tul. Sadanittant, iridu jittieħdu miżuri sabiex il-ħaddiema u l-familji li diġà għandhom diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja ma jispiċċawx f’faqar assolut peress li l-valur tal-pagi tagħhom qed jonqos kull xahar. (prp)