European Economic
and Social Committee
Michalis Antoniou: L-esperjenza u r-rwol tal-Federazzjoni ta’ Min Iħaddem u tal-Industrijalisti ta’ Ċipru matul il-pandemija tal-COVID-19
Fl-indirizz tiegħu lin-nazzjon fil-15 ta’ Marzu, il-President ta’ Ċipru ħabbar miżuri ta’ prevenzjoni li qiegħdu lill-pajjiż u partijiet kbar tal-ekonomija taħt lockdown. Il-messaġġ kien li diffikultajiet ekonomiċi serji kienu imminenti u kollha kemm aħna kellna nħejju ruħna għall-impatt.
Fid-dawl ta’ din il-kriżi bla preċedent, il-Federazzjoni ta’ Min Iħaddem u tal-Industrijalisti ta’ Ċipru (OEB) wieġbet billi ssospendiet is-servizzi mhux essenzjali kollha u ffokat ir-riżorsi u l-kapital uman tagħha fuq l-għajnuna lill-gvern u lin-negozji sabiex jiġu protetti s-saħħa pubblika u l-ekonomija.
L-OEB ħadem iżjed mis-soltu, billi stabbilixxa mill-ewwel ġurnata l-federazzjoni bħala l-punt ta’ kuntatt għan-negozji. Ġie introdott hotline mit-Tnejn sal-Ħadd li offra gwida lin-negozji u ħriġna aktar minn 175 ċirkulari f’ħin reali, fejn ipprovdejna informazzjoni u weġibna mistoqsijiet dwar il-protokolli tal-kura tas-saħħa u dwar l-iskemi ta’ appoġġ għan-negozji li ddaħħlu fis-seħħ.
Għamilna wkoll 67 dehra fuq ir-radju u 192 fuq it-televiżjoni, li 52 minnhom kienu fuq il-programm ewlieni tal-aħbarijiet. Fl-istess perjodu ta’ 4 xhur, il-kumitat eżekuttiv tagħna ltaqa’ 27 darba (normalment jiltaqa’ madwar 10 darbiet fis-sena) u ltaqa’ ma’ 11 mill-14-il ministru tagħna.
Il-komunità tan-negozji appoġġjat l-isforzi tal-OEB, u offriet għarfien siewi dwar il-problemi li kienet qed tiffaċċja l-ekonomija. Aħna kburin li konna involuti direttament fit-tfassil tal-istrateġija ta’ rispons nazzjonali, u li l-proposti tagħna ffurmaw parti konsiderevoli mill-pjan ta’ ħruġ nazzjonali mill-COVID-19.
Din il-pandemija kienet diffiċli għal kulħadd, l-iżjed it-telfien traġiku ta’ ħajja umana. Affettwat ir-relazzjonijiet interpersonali tagħna, l-impjieg u l-mod kif nagħmlu n-negozju. Konna emozzjonati bis-solidarjetà li ntweriet min-nies u min-negozji, kif ukoll b’kemm segwew tajjeb ir-restrizzjonijiet imposti.
Għalkemm hija forza qerrieda, il-COVID-19 għallmitna ħafna. Tgħallimna li l-istat u s-settur privat jistgħu jaħdmu flimkien b’mod effettiv fi żminijiet perikolużi. Tgħallimna li intervent deċiżiv ibbażat fuq evidenza xjentifika soda jista’ jwassal għal riżultati pożittivi. Tgħallimna wkoll kif naħsbu b’mod differenti u nadattaw il-mod kif naħdmu, filwaqt li nqisu l-importanza ta’ ekonomija diġitali.
Sfortunatament, din il-kriżi mhux se tħalli l-ekonomija tagħna mingħajr impatt. Iżda minn dak li esperjenzajna s’issa, jekk nuru l-istess rieda u deċiżività fix-xhur li ġejjin, nistgħu npoġġu din il-kriżi warajna b’inqas telf milli seta’ kien ikun hemm u nerġgħu lura għan-normal illum qabel għada.