European Economic
and Social Committee
Mistoqsija tal-KESE: X’inhuma l-elementi l-ġodda li l-Kumitat irid jintroduċi fl-Opinjoni dwar “Id-dritt għat-tiswija”?
Thierry Libaert: Il-possibbiltà ta’ tiswija ta’ prodott hija kwistjoni li tassew tepitomizza l-ħidma tal-Kumitat tagħna għal żewġ raġunijiet.
L-ewwel net, għax tagħmel parti minn dinamika dejjiema msejsa fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, u tippromovi b’mod partikolari prodotti sostenibbli u tmur kontra asserzjonijiet ambjentali qarrieqa. U t-tieni nett, għax fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal dawn kważi dejjem jirnexxilna niksbu maġġoranza kbira ta’ voti fis-sessjoni plenarja.
L-Opinjoni dwar “Id-dritt għat-tiswija”, li abbozzajt flimkien ma’ Emilie Prouzet (il-korelatur), turi li l-kwistjonijiet tal-konsumatur u t-tħassib dwar il-protezzjoni tal-ambjent huma dejjem aktar allinjati mill-qrib. Il-prodotti msewwija jirrikjedu li tiġi estratta inqas materja prima – b’mod partikolari materja prima kritika – u fuq kollox, jiġġeneraw inqas skart għal-landfills, fi żmien meta l-iskart mis-settur elettriku u elettroniku huwa stmat li jammonta għal 7,4 miljun tunnellata fis-sena.
Fl-Opinjoni tagħna nappoġġjaw il-Proposta tal-Kummissjoni, però nappellaw biex din tkun aktar ambizzjuża bil-għan li d-dritt għat-tiswija jkun aktar minn sempliċi teorija. Dan se jinkludi l-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki li għandhom l-għan li jfixklu t-tiswija (bħas-serjalizzazzjoni), l-appoġġ għal prodotti rikondizzjonati u l-istampar 3D, u l-offerta ta’ appoġġ effettiv għas-sewwejja, pereżempju għat-taħriġ tagħhom. Se tkun meħtieġa wkoll sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi, li ħafna minnhom tilfu r-rifless li jsewwu l-affarijiet tagħhom minflok sempliċiment jissostitwixxuhom. L-azzjoni f’dan il-qasam għandha tkun olistika u għandha tinvolvi lill-partijiet interessati kollha.