Fl-1 ta’ Lulju 2021 is-Slovenja ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fi żmien meta l-Ewropa qed tfittex li tirkupra, tibni mill-ġdid aħjar, u toħroġ aktar b’saħħitha mill-pandemija tal-COVID-19.

It-tieni presidenza tal-UE tas-Slovenja wara l-adeżjoni tagħha mal-UE fl-2004 se titmexxa bis-slogan “Flimkien. Reżiljenti. Ewropa.” tliet kelmiet li jissimbolizzaw il-prijoritajiet ewlenin tagħha. Fi kliem il-presidenza Slovena stess: “Biex insaħħu r-reżiljenza tal-UE se jkun kruċjali li naħdmu flimkien, nappoġġjaw lil xulxin u naġixxu b’solidarjetà għall-ġid ta’ kull ċittadin individwali Ewropew.”

Il-programm tal-presidenza Slovena jiffoka fuq erba’ prijoritajiet:

  • it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE għal diversi forom ta’ kriżi, bħall-pandemija tal-COVID-19, u t-tkomplija fuq il-ħidma tal-presidenzi preċedenti tal-Ġermanja u tal-Portugall dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika tal-UE;
  • il-ġestjoni tal-irkupru ekonomiku u soċjali wara l-pandemija filwaqt li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal forom ta’ ekonomija aktar avvanzati f’termini ta’ teknoloġija u aktar ekoloġiċi;
  • il-promozzjoni għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li se tkun it-tema ewlenija tal-Forum Strateġiku ta’ Bled kmieni f’Settembru, li mistenni jattendu għaliha firxa wiesgħa ta’ parteċipanti minn diversi istituzzjonijiet Ewropej.
  • l-iżgurar u t-tisħiħ tal-istil ta’ ħajja Ewropew, inkluż ir-rispett tal-istat tad-dritt.

Bis-segwitu għal dawn it-tliet prijoritajiet, is-Slovenja se tħabrek għal Unjoni Ewropea kredibbli u sigura, li tkun kapaċi tiżgura sigurtà u stabbiltà fil-viċinat tagħha. Se tingħata attenzjoni speċjali għall-Balkani tal-Punent u għal segwitu kredibbli tal-proċess ta’ tkabbir tal-UE tagħhom. F’Ottubru 2021 is-Slovenja qed tippjana li tospita s-Summit informali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent tal-KESE, li se jiġi organizzat fl-aħħar ta’ Settembru, se jikkontribwixxi għas-Summit b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi mis-soċjetà ċivili organizzata.

Il-KESE se jiżgura li l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata titwassal permezz ta’ ħames opinjonijiet esploratorji, mitlubin mill-presidenza Slovena, dwar temi li jvarjaw mit-tagħlim għall-adulti sa ktajjen ġusti tal-provvista tal-ikel. Dawn l-opinjonijiet esploratorji huma:

  1. Tagħlim għall-adulti;
  2. Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru;
  3. L-isfruttar tal-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali tad-diġitalizzazzjoni u t-titjib tat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, b’mod speċifiku l-SMEs, b’enfasi fuq l-intelliġenza artifiċjali u d-data iċċentrati fuq il-bniedem;
  4. Naġġornaw id-diġitalizzazzjoni inklużiva, sigura u affidabbli għal kulħadd;
  5. Lejn katina ġusta tal-provvista tal-ikel.

Il-KESE qed jistenna bil-ħerqa li jaħdem mal-gvern Sloven fuq inizjattivi u avvenimenti konġunti, u li jappoġġja lill-presidenza Slovena permezz tan-network estiż tiegħu tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea. Il-Kumitat jinsab kuntent li diġà ġie mistieden għar-Round Tables dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li huma ppjanati fis-Slovenja, u għall-Forum Strateġiku ta’ Bled.

Aktar informazzjoni dwar il-presidenza Slovena tinsab hawn:

https://slovenian-presidency.consilium.europa.eu/en/ (st)