Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili tal-2019 iddedikat għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa

Il-KESE jiddedika l-Premju ewlieni tiegħu għas-Soċjetà Ċivili tal-2019 għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-ġlieda għall-ugwaljanza bejn is-sessi

L-applikazzjonijiet għall-2019 issa jinsabu miftuħa

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) nieda l-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili għall-2019. It-tema tal-edizzjoni tal-2019 hija Iktar nisa fis-soċjetà u fl-ekonomija tal-Ewropa u l-premju ser jonora inizjattivi u proġetti innovattivi li jiġġieldu għall-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel u t-trattament ugwali tagħhom fl-isferi kollha tal-ħajja ekonomika u soċjali.

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili reġistrati uffiċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jaġixxu fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali jew Ewropew. L-individwi jistgħu japplikaw ukoll. Biex ikunu eliġibbli, l-inizjattivi jew il-proġetti diġà jridu jkunu implimentati jew għadhom għaddejjin.

Ser jingħata total ta’ EUR 50 000 lil mhux iktar minn ħames rebbieħa. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu mhux aktar tard mis-6 ta’ Settembru fl-10 a.m., filwaqt li ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni ser issir fit-12 ta’ Diċembru 2019 fi Brussell.< br/>


Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni onlajn jinsabu fil- paġna web tagħna.  (ll)