Fl-Ewropa kollha, l-individwi LGBTIQ isofru minn diskriminazzjoni li taffettwa l-prestazzjoni edukattiva tagħhom, il-prospetti ta’ impjieg, il-benesseri u saħansitra l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, bħal-libertà tal-moviment fi ħdan l-UE.

Biex jindirizza din is-sitwazzjoni l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona, f’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ April, regolament mhux diskriminatorju tal-kunċett ta’ “familja” fil-livell tal-UE.

L-Opinjoni tilqa’ l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025, adottata mill-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li tnaqqas id-diskriminazzjoni u tiżgura s-sigurtà u d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGTBIQ fl-UE permezz tal-adozzjoni tal-miżuri leġiżlattivi fil-livell Ewropew.

Ir-relatur tal-Opinjoni, Ionut Sibian, iddeskriva t-tempestività tal-istrateġija u laqa’ bi pjaċir il-kuraġġ tal-Kummissjoni Ewropea biex tadotta din l-istrateġija f’kuntest fejn l-omofobija u t-transfobija qegħdin jiżdiedu fil-livell Ewropew.

It-test adottat jappella għal definizzjoni tal-kunċett ta’ “familja” li tkun rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha tal-UE ħalli jkun iggarantit li d-drittijiet tal-hekk imsejħa “familji qawsalla” ikunu rrispettati kullimkien fl-UE, speċjalment f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi linji ta’ azzjoni dwar politiki attivi dwar l-impjiegi bil-għan li l-Istati Membri jiżviluppaw pjani nazzjonali dwar l-impjieg li jinkludu miżuri speċifiċi għall-persuni LGBTIQ, u jappella sabiex l-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-hekk imsejħa prattiki u terapiji ta’ “konverżjoni”. (dgf)