Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat tnaqqis fl-attività ta’ ħafna setturi ekonomiċi u, fl-istess ħin, qed twassal għal bidla sinifikanti fil-bilanċ globali tal-poter. F’dan il-kuntest, l-UE qed tfittex strateġija xierqa biex issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala attur ekonomiku globali, b’politiki mmirati biex jagħtu spinta lir-rwol internazzjonali tal-euro, isaħħu r-reżiljenza tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju tal-UE u jtejbu l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet imposti fuq pajjiżi terzi.
F’dan l-isfond, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni dwar Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza, bil-għan li l-Ewropa tkun tista’ twettaq aħjar rwol ta’ mexxejja fis-sistema ekonomika u finanzjarja globali waqt li tipproteġi lill-UE minn prattiki inġusti u abużivi tal-pajjiżi terzi u tal-kumpaniji bbażati hemm. Il-kontenut ta’ din il-Komunkazzjoni ġie analizzat waqt seduta pubblika organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) bil-għan li titfassal Opinjoni dwar din il-kwistjoni.
Fid-diskors ewlieni tagħha, Danuta Maria Hübner, MEP u rapporteur tar-rapport dwar it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, spjegat li “it-tibdil ġeopolitiku u l-isfidi globali, inkluża l-pandemija tal-COVID-19, enfasizzaw il-bżonn ta’ reżiljenza msaħħa tal-ekonomija tal-UE” u qalet li “hemm it-tendenza li rwol internazzjonali aktar b’saħħtu għall-euro jiġi appoġġjat minn sistema finanzjarja aktar likwida fl-UE, li jista’ jikkontribwixxi wkoll sabiex titnaqqas il-vulnerabiltà għal kriżijiet futuri”.
Tomasz Wróblewski, relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza, qassar il-punti ewlenin tad-dibattitu billi qal li “Għandna bżonn miżuri sodi u mhux konvenzjonali biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro. Dan ser ikun kruċjali biex l-ekonomija tagħna titpoġġa fit-triq tat-tkabbir fid-dinja ta’ wara l-pandemija”. (dgf)