Il-KESE ser jippremja sa mhux aktar minn ħames proġetti dwar il-klima li jixħtu dawl fuq il-kontribut imprezzabbli tas-soċjetà ċivili biex tinkiseb in-newtralità klimatika
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fetaħ l-applikazzjonijiet għall-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili tal-2021. It-tema ta’ din is-sena hija l-azzjoni klimatika u l-KESE ser jagħżel ir-rebbieħa minn fost inizjattivi kreattivi u innovattivi li għandhom l-għan li jippromovu tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu mill-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili rreġistrati uffiċjalment fl-Unjoni Ewropea u li jaġixxu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. Il-premju huwa miftuħ ukoll għal individwi li jgħixu fl-UE. L-inizjattivi u l-proġetti jridu jitwettqu fl-UE.
Il-proġetti jridu jkunu diġà twettqu jew ikunu għadhom għaddejjin.
Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ Ġunju 2021 fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell).
Ser jiġu ppremjati total ta’ EUR 50 000 lil mhux aktar minn ħames rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet x’aktarx li ssir matul is-sessjoni plenarja tal-KESE fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2021 fi Brussell, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa.
Bħala l-ewwel istituzzjoni tal-UE li tat il-kelma lil Greta Thunberg fl-ewwel jiem tal-moviment globali tal-istrajk favur il-klima “Fridays for Future”, il-KESE minn dejjem kien favur azzjoni klimatika minn isfel għal fuq u dejjem enfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet u l-individwi fil-livell lokali biex it-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima ssir realtà. Dawn għandhom rwol kruċjali biex jgħinu għal bidla fin-normi u fl-imġiba, biex l-ekonomiji lokali jsiru aktar ekoloġiċi u biex imexxu t-tranżizzjoni lejn soċjetajiet b’emissjonijiet żero netti fil-livell lokali jew reġjonali.
Permezz tal-ħidma tiegħu, il-KESE enfasizza ripetutament li s-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – li jimpenja lill-UE tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 – jiddependi mill-azzjoni u l-impenn mill-atturi kollha. Waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku – il-Patt Klimatiku Ewropew – trid tiffoka fuq l-inkoraġġiment tan-nies biex isiru parti mis-soluzzjoni aktar milli l-problema, filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom biex ibiddlu s-sistemi li wassluna fix-xifer tal-kriżi klimatika.
Billi jiddedika l-premju ewlieni tiegħu għal dan is-suġġett tant importanti, il-KESE jixtieq jonora u jixħet dawl fuq l-isforzi klimatiċi mhux statali li saru s’issa. Għandu l-għan ukoll li jħeġġeġ proġetti li għaddejjin bħalissa u jispira oħrajn ġodda, u b’hekk jenfasizza l-kontribut li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-individwi jistgħu jagħtu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Biex ikunu eliġibbli, il-proġetti għandhom ikopru mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet elenkati fl-istqarrija għall-istampa tagħna disponibbli hawn.
Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fuq is-sit web tagħna: http://www.eesc.europa.eu/civilsocietyprize/ (ll)