European Economic
and Social Committee
It-tranżizzjoni tal-enerġija – L-UE jeħtieġ tbiddel il-pass
Il-pass tat-trasformazzjoni lejn l-Unjoni tal-Enerġija jeħtieġ li jiżdied b’mod sinifikanti jekk irridu nilħqu l-objettivi tal-enerġija u tal-klima tal-UE għall-2050, iżda li ninjoraw is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika fi Stati Membri individwali jista’ jkun perikoluż, jargumenta l-KESE f’Opinjoni reċenti.
Jekk ma jitqiesux biżżejjed il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi fl-Istati Membri differenti, dan jista’ jhedded l-aċċettazzjoni soċjali għall-investiment u r-riformi mmirati biex jaċċelleraw it-tranżizzjoni tal-enerġija, jisħaq il-KESE.
Fl-Opinjoni, abbozzata minn Lutz Ribbe u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu, il-KESE jistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-rapporti tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs), u qal li, minkejja li l-objettivi tal-enerġija u l-klima għall-2020 fil-parti l-kbira ntlaħqu, dan mgħandux iwassal għal kompjaċenza.
L-objettivi għat-30 sena li jmiss, b’bidu mis-snin 2020, iridu jkunu aktar ambizzjużi u tassew iqiegħdu liċ-ċittadini tal-Ewropa fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija.
Is-Sur Ribbe qal: "It-tranżizzjoni tal-enerġija tkun f’riskju jekk il-politiċi jwiegħdu l-parteċipazzjoni lil parti wiesgħa tas-soċjetà, iżda fir-realtà ma jqisux din il-wegħda bis-serjetà u ma jwettquhiex." (mp)