European Economic
and Social Committee
Stoyan Tchoukanov: “Esaġerajna wisq fir-rigward tat-tniġġis”
Permezz tal-Opinjoni tiegħu, Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet, jiġu ppreservati r-riżorsi tal-ilma, u biex l-isfidi relatati jiġu ġestiti b’mod adegwat permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat.
L-ilma nadif huwa wieħed mill-aktar riżorsi prezzjużi li għandna. Huwa kruċjali għall-funzjonament tal-ekosistemi u għas-soċjetà tagħna, kif ukoll għall-attività soċjoekonomika. Mill-2022, meta għadd ta’ studji xjentifiċi sabu għall-ewwel darba mikroplastiċi fil-fluss tad-demm tal-bniedem u fil-ħalib tas-sider, il-ħtieġa għal azzjoni urġenti u deċiżiva ma baqgħetx tiġi ikkontestata. It-tniġġis qabeż il-limiti, iżda ma nafux kemm esaġerajna, u l-għarfien tagħna dwar dan is-suġġett għadu biss fi stadju bikri.
Id-Direttiva proposta dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi hija kostruttiva ħafna u strutturata sew. Hija għandha l-potenzjal li taġġorna r-regoli tal-UE billi tindirizza s-sorsi li fadal ta’ ilma mormi mhux trattat u s-sustanzi niġġiesa ġodda, kif ukoll ittejjeb l-aspetti tal-enerġija u tal-ekonomija ċirkolari tat-trattament tal-ilma mormi f’konformità mal-Patt Ekoloġiku u d-diġitalizzazzjoni tal-Ewropa.
Il-proposta testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva sabiex jiġu koperti agglomerazzjonijiet minn 1 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni li jfisser li bliet żgħar se jkunu obbligati wkoll jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi, u jistgħu jfittxu finanzjament mill-UE biex jagħmlu dan.
Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas sabiex tiġi żgurata l-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma u jiġi kopert il-kost tat-tneħħija ta’ mikrosustanzi niġġiesa mill-ilma mormi. L-ilma tax-xeba’ urban u t-tifwir tad-drenaġġ huma hotspot għat-tniġġis, inklużi ġeni ta’ reżistenza antimikrobika, residwi farmaċewtiċi, u sustanzi tossiċi li joħolqu riskju għall-organiżmi akwatiċi u għas-saħħa tal-bniedem, u għandhom jinġabru u jiġu trattati sew qabel ma jiġu skarikati fl-ilma riċeventi.
Permezz tal-Opinjoni tagħna, nistiednu lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jinkludu l-ilma mormi f’viżjoni akbar, u biex jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet, biex jiġu ppreservati r-riżorsi tal-ilma u biex l-isfidi relatati jiġu ġestiti b’mod adegwat permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat, li jistabbilixxi miri u azzjonijiet ambizzjużi marbuta ma’ stadji importanti miftiehma.