Hemm bżonn ta’ strumenti finanzjarji ġodda biex l-ekonomija soċjali tibqa’ tikber lil hinn mill-istimolu pprovdut mill-programmi pubbliċi, jgħid rapport ġdid mill-KESE, li jappella wkoll għal taħriġ finanzjarju biex jitrawwem il-finanzjament privat.

L-ekonomija soċjali tista’ attira investimenti adatti biss jekk ikun hemm strumenti finanzjarji apposta li jibbilanċjaw l-impatt soċjali mar-ritorn aċċettabbli għall-investituri, u riskji medji għall-intrapriżi soċjali, jgħid il-KESE f’Opinjoni adottata f’Jannar.

Ir-relatur Giuseppe Guerini jgħid li “Hemm bżonn ġenwin li niffaċilitaw il-konnessjoni bejn id-dinja tal-invesiment privat u d-dinja tal-ekonomija soċjali. Nemmnu li ta’ spiss l-operaturi finanzjarji jaraw l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali bħala riskju għoli sempliċiment minħabba li jużaw għodod li jintużaw b’mod ġenerali sabiex jiġu vvalutati tipi oħra ta’ intrapriżi”.

L-investimenti relatati mal-impatt soċjali għandhom jindirizzaw dawn il-kriterji:

• ikollhom għan ċar biex jinħoloq impatt soċjali;
• jappoġġjaw l-intrapriżi li huma definiti b’mod ċar bħala intrapriżi tal-ekonomija soċjali;
• jiġu stabbiliti livelli ta’ stennija abbażi ta’ ritorni ekonomiċi ġusti, sostenibbli u trasparenti, anke jekk inqas mill-medja tas-suq;
• jippermettu li parti mill-assi jerġgħu jiġu investiti f’investimenti oħra b’għanijiet soċjali;
• ikollhom impatt li jitkejjel;
• ikunu konsistenti mal-valuri tal-intrapriża li jinvestu fiha.

Għarfien reċiproku sod huwa essenzjali biex jintaqqas id-distakk tal-investiment.  Il-korelatur Marie Pierre le Breton tgħid li “L-atturi finanzjarji jeħtieġu jkunu appoġġjati aħjar biex jifhmu r-realtajiet tal-intrapriżi soċjali, u jgħinu lil dawn tal-aħħar jifhmu d-dinja u l-istrumenti ta’ finanzjament”.

It-tixrid ta’ prattiki tajbin, bħaċ-Ċentru tal-Għarfien Espert għall-Investiment li jħalli impatt tal-Finlandja, jew il-mudelli ta’ investiment “ħallas bir-riżultati” ta’ Franza, jista’ jgħin ukoll. Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti indikaturi għall-UE kollha biex jiġi vvalutat l-impatt. Dawn jistgħu jkunu indikaturi oġġettivi, bħal impjiegi maħluqa, jew oħrajn suġġettivi, bħall-benesseri tal-komunità.