Missjoni ta’ tnaqqis tal-iskart: xejn ġdid fit-22

Waħda mir-rebbieħa tas-sena l-oħra tal-Premju tal-KESE għas-Solidarjetà Ċivili, Cherwell Collective mir-Renju Unit, għadha kif ingħatat premju prestiġjuż għall-klima fir-Renju Unit għall-proġett il-ġdid tagħha tal-ekonomija ċirkolari. Din il-kumpanija bbażata f’Oxford u mingħajr skop ta’ qligħ rebħet il-premju tagħna fl-2020 għall-forniment ta’ ikel lir-residenti fil-bżonn matul il-COVID, u t-tagħlim li tathom dwar kif ikabbru l-ikel tagħhom stess u jagħmlu l-aħjar użu mill-ikel żejjed kollu.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, huma użaw il-flus tal-premju tal-KESE biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-persuni vulnerabbli, iżda wkoll biex jimxu ’l quddiem fil-missjoni tagħhom li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-komunità tagħhom. Huma saru s-sieħeb ewlieni fil-proġett il-ġdid ‘Waste Innovation Station Headquarters (WISH) f’Oxfordshire, ir-Renju Unit.

Il-proġett huwa viżjoni ta’ ekonomija ċirkolari fejn ma jinxtara xejn ġdid sakemm jiġu eżawriti l-għażliet kollha biex l-oġġetti jinżammu fiċ-ċirkolazzjoni. Diġà beda, b’kampanja intitolata ‘Nothing new in 22’ (Xejn ġdid fit-22), li titlob lill-individwi biex jagħmlu wegħda, f’industrija waħda biss, biex ma jixtru xejn ġdid fl-2022. Il-proġett diġà ltaqa’ b’entużjażmu kbir u kiseb rikonoxximent wiesa’ fir-Renju Unit. Fil-25 ta’ Jannar Cherwell Collective irċeviet flus mill-Fond ta’ Azzjoni Klimatika tal-Komunità Nazzjonali tal-Lotteriji, li se jiffinanzja l-proġett WISH.

Il-fundatur ta’ Cherwell Collective, Dr Emily Connally, tkellmet mal-KESE dwar id-differenza enormi li għamel dan il-premju tal-KESE meta ngħata lil din il-kumpanija mingħajr skop ta’ qligħ.

“Il-premju tal-KESE kien parti mill-ispirazzjoni għall-proġett li jmiss tagħna, u jservi bħala komplement għall-finanzjament meħtieġ għal din il-ħidma. Inħoss li ma stajniex nirnexxu mingħajr il-bibien li fetħilna dan il-premju tal-KESE. Bħala kumpanija ġdida, tana l-leġittimità u r-rikonoxximent għall-innovazzjoni tagħna. Offrielna fondi mingħajr restrizzjonijiet sabiex stajna nsaqsu lill-komunità x’riedu. Iffrankajna dawk il-fondi u ntużaw biex insegwu x-xewqat tal-utenti tagħna”, qalet Dr Connally.

Fl-istħarriġiet li saru, l-utenti żvelaw li ma kien hemm l-ebda kunsens dwar il-ħtieġa għal oġġetti tal-ikel speċifiċi, iżda pjuttost xewqa komuni li jirċievu “kwalunkwe ħaġa oħra li kienet se tintrema”.

F’konformità max-xewqat tagħhom, Cherwell Collective u l-imsieħba tagħha ħarġu bil-proġett WISH, li jilħaq aktar minn 50 000 persuna kollettivament u huwa mfassal biex jiggwida lill-komunità lejn impronta tal-karbonju imnaqqsa permezz ta’ sensibilizzazzjoni u dimostrazzjonijiet dwar kif jitnaqqas l-iskart.

WISH għandu wkoll mużew tax-xjenza interattiv, fejn kull wirja ssir mill-iskart, tinforma lill-pubbliku dwar l-impronta tal-karbonju ta’ dak l-iskart, u tipprovdi dimostrazzjonijiet kif ukoll kits tad-DIY għat-tnaqqis tal-iskart, it-tiswija tal-oġġetti, u t-tnaqqis tal-konsum/id-domanda għal linji ta’ produzzjoni ġodda.

“Nitolbu lin-nies biex iwiegħdu li jappoġġjaw ekonomija ċirkolari. Biex isewwu jew jagħtu skop ġdid lill-oġġetti, biex jgħaddu l-oġġetti tagħhom stess lil oħrajn, u fuq kollox, biex jirreżistu t-tentazzjoni li jixtru oġġetti ġodda meta hemm tant oġġetti disponibbli fil-pussess ta’ oħrajn,” qalet Dr Connally.

Nifirħulkom, Emily u Cherwell Collective! Il-KESE huwa kburi bikom, u b’umiltà ninsabu kuntenti li stajna nikkontribwixxu għall-proġett fantastiku tagħkom!