Il-Kummissjoni tal-KESE dwar il-Bidliet Industrijali tibda mandat ġdid u tadotta l-programm ta’ ħidma għall-2021

Fit-13 ta’ Jannar, il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kellha l-laqgħa inawgurali tal-mandat il-ġdid tagħha u adottat il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2021.

Il-president tas-CCMI, Pietro Francesco De Lotto, il-viċi president Monika Sitárová, il-membri u d-delegati esterni, b’mandat minn Novembru 2020 sa Novembru 2025, adottaw unanimament il-Linji Gwida Politiċi u l-Programm ta’ Ħidma tas-CCMI għall-2021.

Il-programm ta’ ħidma huwa bbażat fuq tliet pilastri ewlenin:

  • tranżizzjoni ekoloġika għall-industrija Ewropea;
  • sforz komprensiv għad-diġitalizzazzjoni tas-setturi produttivi tal-Ewropa;
  • It-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-industrija Ewropea, b’konformità mar-rieżami tal-politika industrijali tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021.

Fil-kummenti introduttorji tiegħu, is-Sur De Lotto enfasizza r-rwol uniku tas-CCMI fi ħdan il-KESE bħala ġabra ta’ għarfien espert industrijali speċjalizzat. Huwa rrifletta fuq il-kriżi attwali u qal:

“L-industrja Ewropea mhux biss trid toħroġ minn din il-kriżi; iżda trid toħloq il-kundizzjonijiet għal kompetittività globali aħjar ibbażata fuq l-enerġija u t-tranżizzjoni diġitali. Jeħtieġ li l-korpi, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti Ewropej jappoġġjawha f’dan il-kompitu”, qal is-sur De Lotto.

Is-CCMI hija l-eredi tal-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), il-punt tat-tluq tal-Unjoni Ewropea kif nafuha llum il-ġurnata. Meta t-Trattat tal-KEFA skada fl-2002, intlaħaq ftehim li s-CCMI tiret u tkompli l-ħidma tagħha fir-rigward tal-attivitajiet u r-relazzjonijiet industrijali. (ks)