FAQ

This page is also available in

Fil-każ ta’ dubju, għandha tgħodd il-verżjoni bl-Ingliż

MISTOQSIJIET FREKWENTI 2018


1.         Reġistrazzjoni u għażla

Nixtieq nirreġistra għal dan l-avveniment. X’għandi nagħmel?

L-iskejjel u/jew l-għalliema jridu jimlew formola ta’ reġistrazzjoni sal-24 ta’ Novembru 2017. L-istudenti ma jistgħux jirreġistraw b’mod indipendenti.

Kemm ser ikunu jistgħu jieħdu sehem skejjel fl-eżerċizzju u kif ser jintgħażlu?

L-iskejjel li jistgħu jieħdu sehem ser jittellgħu bix-xorti f’Diċembru 2017 minn fost l-iskejjel li rreġistraw sad-data tal-iskadenza. Ser tintgħażel skola waħda biss minn kull pajjiż sabiex tipparteċipa fl-avveniment fi Brussell. Bejn Jannar u Frar 2018 ser iżur l-iskola membru tal-KESE. L-iskejjel li ser jieħdu sehem ser jiġu infurmati individwalment u jridu jressqu l-isem tat-tliet studenti u tal-għalliem li ser jakkumpanjahom fiż-żjara lejn Brussell fil-15-17 ta’ Marzu 2018.

X’livell ta’ għarfien tal-lingwa għandu jkollhom l-istudenti sabiex jieħdu sehem fil-workshops?

Mhuwa meħtieġ l-ebda livell minimu ta’ għarfien tal-lingwa. Madankollu, l-istudenti magħżula u l-għalliema tagħhom għandhom ikunu kapaċi jesprimu ruħhom bl-Ingliż sabiex jiġu ffaċilitati l-komunikazzjoni u d-diskussjoni matul l-avveniment.

L-iskejjel kif għandhom jagħżlu l-istudenti li ser jiġu Brussell?

Kull skola hija ħielsa li tistabbilixxi l-kriterji tal-għażla tagħha stess, li għandhom ikunu ċari, ġusti u mhux diskriminatorji. Għal raġunijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, jekk possibbli, l-istudenti magħżula għandhom jinkludu mill-inqas tifel wieħed u tifla waħda. Il-bini tal-KESE huma kompletament aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Kif nista’ nikkuntattja lill-organizzaturi tal-avveniment? Kif ser niġi kkuntattjat jekk tintgħażel l-iskola tiegħi?

Tista’ tikkuntattja lill-organizzaturi billi tibgħat messaġġ fuq: youreuropeateesc [dot] europa [dot] eu. L-organizzaturi ser jikkuntattjaw l-iskola permezz tal-posta elettronika. Inti għalhekk għandek tiżgura li l-indirizz tal-posta elettronika mniżżel fil-formola ta’ reġistrazzjoni huwa validu u għandek tiċċekkjah regolarment.

L-iskola tista’ tirreġistra aktar minn darba?

Le, applikazzjoni waħda biss hija permessa. L-iskejjel li japplikaw iktar minn darba jiġu esklużi awtomatikament.


2.         Il-preparamenti għall-avveniment

Kif għandhom l-istudenti u l-għalliema iħejju għal dan l-avveniment?

Membru tal-KESE ser iżur l-iskejjel parteċipanti bejn Jannar u Frar 2018 biex jispjega kif jaħdem il-KESE u r-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej differenti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membru tal-KESE ser jitħallsu mill-Kumitat).

Barra minn hekk, ser jintbagħat sett ta’ dokumenti meħtieġa għat-tħejjija fi żmien xieraq, inkluż dokument ta’ ħidma li għandu l-għan li jipprepara lill-istudenti għad-diskussjonijiet fi Brussell.


3.         L-avveniment

Kemm ser idum l-avveniment?

L-avveniment ser isir fil-KESE fil-15-16 ta’ Marzu 2018. L-istudenti ser jaslu fi Brussell nhar il-Ħamis 15 ta’ Marzu u ser ikollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ xulxin filgħaxija. Il-ġurnata ta’ wara huma ser ikollhom jinteraġixxu u jiddibattu fi gruppi ta’ ħidma u f’sessjonijiet plenarji. Huma ser jirritornaw lura lejn darhom nhar is-Sibt, 17 ta’ Marzu 2018.

Min ser iħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni?

Il-KESE ser jagħmel l-arranġamenti u jħallas għall-akkomodazzjoni fi Brussell għall-istudenti u l-għalliem tagħhom. Ser iħallas ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-konnessjoni internazzjonali bl-ajru jew bil-ferrovija minn pajjiżhom sa Brussell (inklużi, fejn meħtieġ, titjiriet ta’ konnessjoni/ferroviji ta’ konnessjoni fuq distanza twila), kif ukoll it-trasport minn/lejn l-istazzjon jew l-ajruport ta’ Brussell u l-lukanda.

Il-KESE ser jorganizza u jħallas għall-ivvjaġġar lejn/mill-istazzjon ta’ tluq jew l-ajruport f’pajjiżna?

Le, il-KESE mhux ser jorganizza, iħallas jew jirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar minn/lejn l-ajruport jew l-istazzjoni tat-tluq fil-pajjiż minn fejn jibda l-vjaġġ. Il-KESE ser iħallas biss il-konnessjoni internazzjonali lejn/minn Brussell (inklużi ferroviji ta’ konnessjoni u titjiriet ta’ konnessjoni jekk hemm bżonn).

Il-KESE ser iħallas għal biljett ġdid u spejjeż addizzjonali tal-lukanda, jekk nitlef l-ferrovija/it-titjira tiegħi?

Jekk titlef il-ferrovija tiegħek jew it-titjira tiegħek għal kwalunkwe raġuni oħra minbarra forza maġġuri, il-KESE mhux ser jirrimborża jew jikkumpensa u mhux ser ikopri l-ispejjeż tax-xiri ta’ biljetti ġodda, tat-tibdil tar-rotot ta’ biljetti eżistenti jew ta’ akkomodazzjoni jew sussistenza addizzjonali. Jekk jogħġbok kun ċert li tasal l-ajruport/l-istazzjon sew qabel il-ħin tat-tluq skedat.

L-iskejjel jistgħu jagħżlu lukanda speċifika fi Brussell?

Le, il-KESE ser jikkuntattja l-iskejjel magħżula u jipproponi arranġament għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni.

X’inhu r-rwol tal-għalliem li jakkumpanja lill-istudenti?

L-għalliem li jakkumpanja lill-istudenti huwa l-persuna li ser iżomm il-kuntatt bejn il-KESE u l-parteċipanti. Ser jiżgura li l-parteċipanti kollha jirċievu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa, u ser ikunu responsabbli għall-ħidma preparatorja kollha. Jekk l-għalliem jimrad jew ma jkunx jista’ għal kwalunkwe raġuni jattendi s-sessjoni, irid jiġi sostitwit minn kollega.

X’inhu r-rwol tal-għalliem li jakkumpanja lill-istudenti matul il-perjodu fi Brussell?

L-għalliema li jkunu qed jakkumpanjaw lill-istudenti ser ikollhom rwol ewlieni, u ser ikollhom ir-responsabbiltà sħiħa tal-istudenti waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġjaw lejn/minn Brussell u waqt li jkunu qegħdin fi Brussell. Huma ser ikunu preżenti waqt l-avveniment u ser jieħdu sehem fl-attivitajiet kollha. Huwa importanti li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom bl-Ingliż.

Tista’ skola jkollha aktar minn għalliem wieħed li jakkumpanja lill-istudenti?

Il-proġett jipprevedi li t-tliet studenti jkunu akkumpanjati minn għalliem wieħed. Il-KESE għalhekk ser iħallas biss l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għal tliet studenti u għalliem wieħed għal kull pajjiż parteċipant.

Kif għandna nilbsu?

M’hemm l-ebda regoli speċjali.

Downloads

YEYS 2018 FAQ