Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru, il-KESE ospita dibattitu dwar id-demokrazija fl-Afrika ma’ rappreżentanti mill-Kunsill Ekonomiku u Kulturali tal-Unjoni Afrikana (ECOSOCC tal-UA). Iż-żewġ naħat qablu li s-soċjetà ċivili hija l-ixprun għal sħubija ta’ suċċess bejn l-UE u l-Afrika bbażata fuq l-ugwaljanza, li trawwem id-djalogu ċivili u soċjali.

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru, il-KESE ospita dibattitu dwar id-demokrazija fl-Afrika ma’ rappreżentanti mill-Kunsill Ekonomiku u Kulturali tal-Unjoni Afrikana (ECOSOCC tal-UA). Iż-żewġ naħat qablu li s-soċjetà ċivili hija l-ixprun għal sħubija ta’ suċċess bejn l-UE u l-Afrika bbażata fuq l-ugwaljanza, li trawwem id-djalogu ċivili u soċjali.

Fid-dibattitu fil-plenarja, li fih adotta wkoll l-Opinjoni Id-demokrazija fl-Afrika – is-sitwazzjoni attwali u perspettivi futuri. Xi rwol għandu l-KESE?, il-KESE tenna l-impenn tiegħu li jsaħħaħ is-sħubija strateġika mal-Unjoni Afrikana, u li jappoġġja l-inizjattiva għal impriża konġunta biex jiġu promossi l-valuri tad-demokrazija, id-djalogu inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli. Aktar kmieni din is-sena, il-KESE u l-ECOSCOCC tal-UA ffirmaw il-Memorandum ta’ Qbil.

Kyeretwie Osei, Kap tal-Programmi fl-Unjoni Afrikana tal-ECOSOCC, fid-dikjarazzjoni li ta f’isem il-President tal-ECOSOCC, Khalid Boudali, spjega: “Għandna xogħol importanti fil-bini tal-istituzzjonijiet biex insaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-kontinent kollu, u fl-istess waqt niżguraw li nkunu kapaċi nistabbilixxu governanza tajba billi neliminaw u nnaqqsu l-korruzzjoni u noħolqu spazji għall-espressjoni taċ-ċittadini, fost affarijiet oħra. Is-soċjetà ċivili tinsab fil-qalba ta’ dan l-għan”.

Oliver Röpke, il-President tal-KESE enfasizza: “Il-kooperazzjoni mal-ECOSOCC tal-UA hija kruċjali fil-promozzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fl-Afrika. Is-soċjetà ċivili għandha tieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tindirizza aktar sfidi, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-migrazzjoni”.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE jindirizza dawn l-isfidi u huwa tal-fehma li, flimkien mar-rappreżentanti rikonoxxuti tal-pjattaformi tas-soċjetà ċivili Afrikana, dan jista’ jgħin fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, jippromovi d-drittijiet tal-bniedem u jgħin fid-difiża tar-reġimi demokratiċi fl-Afrika. 

Carlos Trindade, membru tal-KESE u relatur tal-Opinjoni, semma li l-approċċ Ewropew għall-iżvilupp tad-demokrazija fl-Afrika għandu jkun ibbażat fuq relazzjoni bejn partijiet ugwali, u jqis il-kumplessità tal-kontinent f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, diversità u interessi ġeopolitiċi.

Sifa Chiyoge Buchekabiri, Direttur Reġjonali u Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ International Cooperative Alliance-Africa (ICA-Africa), tkellmet dwar l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa fl-Afrika. “Il-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa hija kruċjali peress li ħafna drabi n-nisa huma s-sinsla tal-unitajiet domestiċi tagħhom. Għalhekk, billi nemanċipaw lin-nisa mhux biss qed ngħinu lill-individwi, imma qed insaħħu wkoll il-pożizzjoni ta’ komunitajiet sħaħ”.

Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-akkomodazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fis-servizzi tal-provvista tal-akkomodazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali relatati mal-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa. Skont konferenza li saret reċentement fil-KESE, jinħtieġ rispons pan-Ewropew għad-diversi sfidi, peress li l-akkomodazzjoni mhijiex biss ħtieġa iżda wkoll dritt tal-bniedem . 

Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-akkomodazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fis-servizzi tal-provvista tal-akkomodazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali relatati mal-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa. Skont konferenza li saret reċentement fil-KESE, jinħtieġ rispons pan-Ewropew għad-diversi sfidi, peress li l-akkomodazzjoni mhijiex biss ħtieġa iżda wkoll dritt tal-bniedem . 

Fil-21 ta’ Novembru, il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE organizza l-konferenza Nipproteġu lill-aktar ċittadini vulnerabbli tal-Ewropa permezz ta’ akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli, li matulha d-diskussjonijiet iffukaw fuq kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jagħmlu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa aktar inklużivi, affordabbli u sostenibbli.

Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, enfasizza li l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata jikkostitwixxi dritt tal-bniedem li jeħtieġ approċċ pan-Ewropew. Huwa enfasizza r-rabta bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u l-livelli tal-faqar, u indika wkoll li “l-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli hija ċentrali għall-qerda tal-faqar”.

Is-Sur Boland enfasizza wkoll li “l-istrateġija tal-UE kontra l-faqar u l-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli proposti mill-President elett tal-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu parti minn approċċ ta’ politika transsettorjali biex jintemm il-faqar. Dan l-approċċ irid jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċess kollu tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-soluzzjonijiet. L-akkomodazzjoni sostenibbli trid tiġi eżaminata minn perspettiva usa’ li tinkludi l-effiċjenza fir-riżorsi, iċ-ċirkolarità, ir-reżiljenza, l-adattament u l-aċċessibbiltà ekonomika”.

Matul l-avveniment saret referenza wkoll għall-istudju l-ġdid tal-KESE dwar Akkomodazzjoni sostenibbli affordabbli fl-UE, ikkummissjonat mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili. L-istudju janalizza soluzzjonijiet ta’ politika għall-kisba ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli fl-UE. Barra minn hekk, jinvestiga żewġ xejriet emerġenti: id-diġitalizzazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fil-provvista tal-akkomodazzjoni. L-istudju jeżamina inizjattivi innovattivi f’sitt Stati Membri, u jivvaluta l-potenzjal tagħhom għal applikazzjoni usa’ fl-Ewropa.

Tista’ ssir taf aktar dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika fuq terminu medju u twil tal-istudju tal-KESE hawnhekk.

Tista’ tikkonsulta wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza.

António Costa, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew, jiddeskrivi l-prijoritajiet ewlenin tiegħu għall-UE waqt l-ewwel żjara tiegħu fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Huwa enfasizza l-kompetittività bħala l-pedament għall-prosperità tal-Ewropa, u saħaq dwar l-importanza li din tiġi kkombinata mad-drittijiet soċjali biex jinbena futur sostenibbli. Il-President tal-KESE Oliver Röpke tenna dan, u qal li “Il-kompetittività trid tkun effettiva għal ħafna, mhux għal ftit.”

António Costa, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew, jiddeskrivi l-prijoritajiet ewlenin tiegħu għall-UE waqt l-ewwel żjara tiegħu fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Huwa enfasizza l-kompetittività bħala l-pedament għall-prosperità tal-Ewropa, u saħaq dwar l-importanza li din tiġi kkombinata mad-drittijiet soċjali biex jinbena futur sostenibbli. Il-President tal-KESE Oliver Röpke tenna dan, u qal li “Il-kompetittività trid tkun effettiva għal ħafna, mhux għal ftit.”

Waqt li tkellem fis-sessjoni plenarja tal-KESE ftit jiem wara li beda l-mandat tiegħu fl-1 ta’ Diċembru, is-Sur Costa appella għal azzjoni kollettiva urġenti. “Ninsabu fit-triq it-tajba. Għamilna d-dijanjożi, għandna proposti ambizzjużi, iżda jrid jkollna rieda politika. Ejjew niffokaw fuq it-tkabbir, l-impjiegi u Ewropa soċjali, sabiex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum tkun tista’ tħares lura u tgħid: dan kien il-mument meta żgurajna l-prosperità tagħna.”

Il-kompetittività u r-riformi mfassla apposta huma fil-qalba tal-aġenda tas-Sur Costa. Huwa ppropona t-tiġdid tas-suq uniku, it-tnaqqis ta’ regolamenti żejda, u l-investiment fil-ħiliet u l-innovazzjoni biex isaħħu l-ekonomija tal-Ewropa. Żied jgħid li “għandna bżonn kumpaniji b’saħħithom – mhux għax huma orħos iżda għax jinnovaw b’ideat u b’forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati”. Is-Sur Costa appella wkoll għal riformi bbażati fuq il-prestazzjoni u mnebbħa min-Next Generation EU: “Din hija loġika tajba għall-futur.” Huwa ħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-baġit tal-UE li jmiss b’sens ta’ ftuħ.

“Il-kompetittività mhijiex biss kwistjoni ta’ għanijiet ekonomiċi; tikkonċerna wkoll il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-Ewropej kollha u t-trawwim tar-reżiljenza,” qal is-Sur Röpke. “It-tkabbir ekonomiku jrid jimxi id f’id mal-progress soċjali, waqt li jiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.”

Is-Sur Costa faħħar ir-rwol tal-KESE fit-trawwim tad-djalogu soċjali, u rrefera għalih bħala “il-mudell Ewropew” għall-konnessjoni mal-pubbliku. “Id-djalogu soċjali jippermettilna nsibu soluzzjonijiet sostenibbli permezz ta’ negozjati kostanti bejn ir-rappreżentanti differenti tas-soċjetajiet tagħna. Dan huwa essenzjali, speċjalment issa,” huwa qal.

Id-dibattitu fil-plenarja indirizza t-tħassib ewlieni, inklużi l-akkomodazzjoni, il-migrazzjoni u l-ispejjeż tal-enerġija – kwistjonijiet li s-Sur Costa identifika bħala prijoritajiet. Is-Sur Röpke saħaq dwar il-ħtieġa għal soluzzjonijiet prattiċi, u enfasizza l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid, l-akkomodazzjoni affordabbli u t-tranżizzjoni ekoloġika. “Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ biex jintroduċi l-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-proċess biex tissawwar Ewropa inklużiva, reżiljenti u lesta għall-isfidi tal-futur.” (gb)

F’din il-ħarġa:

  • Niżguraw appoġġ għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali fi ħdan ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat minn Guiseppe Guerini
  • Fil-KESE jintwera l-film Belarussu “Under the Grey Sky”, intervista mad-direttriċi Mara Tamkovich
  • Il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil – test għall-proġett Ewropew? minn Camille Coz, MPI Europe
  • Oqbra mhux immarkati fil-fruntieri esterni tal-Ewropa minn Barbara Matejčić
  • Ir-rifuġjati Sirjani:

    - L-approċċ tal-UE għar-ritorni Sirjani – punt ta’ bidla għall-politika tagħha dwar il-migrazzjoni minn Alberto-Horst Neidhardt, EPC

    Il-pajjiżi tal-UE m’għandhomx iġiegħlu lir-refuġjati Sirjani jirritornaw fis-sitwazzjoni ta’ instabbiltà ta’ bħalissa minn Jean-Nicolas Beuze, UNHCR

Deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

Document Type
AC

Id-demokrazija fl-Afrika is-sitwazzjoni attwali u perspettivi futuri

Document Type
AC

F’din il-ħarġa:

  • Andrey Gnyot: L-għadu tal-poplu – Kif il-Belarussja qed tippersegwita lill-ġurnalisti tagħha
  • COP16 u COP29: Qed niġbdu t-tapit minn taħt saqajna
  • Adélaïde Charlier: Ingannati bil-biljuni: COP29 li ma kinitx effettiva għall-ġustizzja klimatika
  • Luz Haro Guanga: Il-ġlieda għal pjaneta f’saħħitha hija kwistjoni ta’ ħajja u mewt
  • Mariya Mincheva: Il-kost tan-non-Schengen għas-suq uniku tal-UE
     

 

F’din il-ħarġa:

  • Andrey Gnyot: L-għadu tal-poplu – Kif il-Belarussja qed tippersegwita lill-ġurnalisti tagħha
  • COP16 u COP29: Qed niġbdu t-tapit minn taħt saqajna
  • Adélaïde Charlier: Ingannati bil-biljuni: COP29 li ma kinitx effettiva għall-ġustizzja klimatika
  • Luz Haro Guanga: Il-ġlieda għal pjaneta f’saħħitha hija kwistjoni ta’ ħajja u mewt
  • Mariya Mincheva: Il-kost tan-non-Schengen għas-suq uniku tal-UE
     

Fl-2021, l-assoċjazzjoni Belġjana Grootouders voor het Klimaat (Nanniet favur il-klima) rebħet il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, li kien iffokat fuq it-tema tal-azzjoni klimatika, għall-kampanja tagħha “Dak li faddalna nużawh għall-futur tagħhom”. Il-kampanja kellha l-għan li tħeġġeġ madwar 2,4 miljun nannu u nanna Belġjani biex il-flus li kienu faddlu – li dak iż-żmien kien stmat għal madwar EUR 910 biljun f’assi – jerġgħu jinvestuhom fi proġetti aktar sostenibbli. Il-KESE Info tkellem ma’ Grootouders voor het Klimaat dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-klima u l-finanzjament sostenibbli kif ukoll dwar l-istennijiet u l-pjani għall-futur.

Fl-2021, l-assoċjazzjoni Belġjana Grootouders voor het Klimaat (Nanniet favur il-klima) rebħet il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, li kien iffokat fuq it-tema tal-azzjoni klimatika, għall-kampanja tagħha “Dak li faddalna nużawh għall-futur tagħhom”. Il-kampanja kellha l-għan li tħeġġeġ madwar 2,4 miljun nannu u nanna Belġjani biex il-flus li kienu faddlu – li dak iż-żmien kien stmat għal madwar EUR 910 biljun f’assi – jerġgħu jinvestuhom fi proġetti aktar sostenibbli. Il-KESE Info tkellem ma’ Grootouders voor het Klimaat dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-klima u l-finanzjament sostenibbli kif ukoll dwar l-istennijiet u l-pjani għall-futur.

Wara tliet snin taraw riżultati tanġibbli tal-kampanja tagħkom? Kif tivvaluta b’mod ġenerali l-istat tal-klima u l-finanzi sostenibbli fil-Belġju – sar progress? u hemm aktar sensibilizzazzjoni fost in-nies dwar l-importanza ta’ dan kollu?

Il-Premju tal-KESE kien rikonoxximent u appoġġ importanti għalina. Ta’ spiss irreferejna għalih f’kuntatti mal-gvern, ma’ organizzazzjonijiet oħra ta’ appoġġ u maċ-ċittadini. Għenna nagħmlu iktar kuntatti u nkomplu niżviluppaw il-kampanja tagħna, kemm għan-nanniet sħabna kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet iżgħar, billi żviluppajna preżentazzjonijiet, sessjonijiet ta’ ħidma u sensiela ta’ lezzjonijiet dwar il-finanzi sostenibbli.

Aħna osservajna li dan għadu mhuwiex suġġett ċar, iżda fl-istess ħin saru sforzi leġiżlattivi importanti mill-Ewropa (it-tassonomija, il-Patt Ekoloġiku, is-CSRD, is-CSDDD, eċċ.), u dan ifisser li anke l-intrapriżi u s-setturi qed jieħdu aktar u aktar inizjattivi li nistgħu nirreferu għalihom. Dan huwa sors ta’ tama u ta’ bżonn, kif sfortunatament enfasizzaw ir-riżultati (inadegwati) tal-COP f’Baku.

Minn studju reċenti tgħallimna li għad hemm bżonn il-ħidma tagħna biex nissensibilizzaw. Huma biss 5-15 % tal-investituri li jużaw id-dritt tagħhom li jitolbu lill-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom iqisu l-preferenzi sostenibbli tagħhom. Għalhekk irridu nkomplu naħdmu fuq dan.

X’tistennew mill-COP29? Ser tipparteċipaw fil-konferenza, jekk mhux direttament billi tappoġġjaw lit-tifel ta’ 12-il sena Ferre u lin-nanniet tiegħu? Taħsbu li l-finanzjament għall-klima huwa suġġett kruċjali għal tranżizzjoni ġusta?

Fil-ħin tal-kitba, il-COP29 tkun għadha kemm spiċċat. Mill-bidu nett, tajna l-appoġġ sħiħ tagħna, f’termini finanzjarju u ta’ komunikazzjoni, lil Ferre ta’ 12-il sena, li, flimkien man-nanniet tiegħu, li huma membri tal-Groothouders voor het Klimaat, ivvjaġġa lejn Baku, biex jiżgura li leħen it-tfal ikompli jinstema’. Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lin-nanniet l-oħra u lill-awtoritajiet kollha li għamlu dan possibbli.

Il-COP29 kellha ssir il-COP tal-finanzjament għall-klima minħabba li l-finanzjament huwa tabilħaqq kruċjali għat-tranżizzjoni ġusta. Sfortunatament, f’Baku, rajna li dan ma kienx jidher biżżejjed. Il-messaġġ tagħna jibqa’: il-flus hemm huma, u nitolbu lil min għandu biex ikun responabbli u jużahom b’mod sostenibbli għall-futur ta’ ulied uliedna.

X’inhuma l-aħħar proġetti ta’ Grootouders voor het Klimaat li tixtiequ ssemmu? Diġà għaddejjin xi proġetti ġodda?

Aħna nħarsu lejn il-futur b’ħafna tama. L-2025, għaxar snin wara l-Ftehim ta’ Pariġi, għall-Grootouders voor het Klimaat ser tkun is-sena li fiha ser nagħmlu appell lil għadd kbir ta’ nanniet bħalna, li huma membri tal-organizzazzjonijiet kbar tal-anzjani fil-Flanders. Ninsabu f’nofs it-tħejjijiet fejn diversi għexieren ta’ “nanniet favur il-klima” qegħdin jitħarrġu biex ikunu jistgħu jiddiskutu dwar il-klima b’kunfidenza, u jkunu lesti jikkomunikaw u jisimgħu.

Żviluppajna diversi workshops, inkluż wieħed dwar it-tfaddil u l-investiment sostenibbli, li noffru mingħajr ħlas lid-dipartimenti lokali kollha tal-organizzazzjonijiet tal-anzjani. Diġà qed naraw ħafna entużjażmu. Lejn l-aħħar ta’ Novembru 2025 ser intemmu b’avveniment kbir li, nisperaw, mhux ser ikun it-tmiem iżda l-bidu ta’ impenn dejjem jikber għall-futur.

Hugo Van Dienderen huwa kofundatur u kopresident ta’ Grootouders voor het Klimaat. Stabbilit fl-2019, Grootouders voor het Klimaat huwa moviment indipendenti tal-anzjani, prinċipalment nanniet, li jridu jgħaddu dinja abitabbli lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Fir-ritratt: Ferre man-“nanniet tiegħu favur il-klima” waqt COP29 f’Baku. Ferre kellu l-opportunità li jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi klimatika ma’ ħafna nies importanti.

Nistgħu ngħinu biex insalvaw id-dinja billi ninvestu b’mod sostenibbli? Peress li s-settur finanzjarju għaddej minn trasformazzjoni notevoli quddiem l-isfidi ambjentali u soċjali, Dr Brigitte Bernard-Rau mill-Università ta’ Hamburg tħares lejn l-investiment b’impatt, l-istrateġija ta’ investiment b’saħħitha l-ġdida. L-istrateġija hija bidla fundamentali fil-mod kif naħsbu dwar ir-rwol tal-kapital u l-finanzi fis-soċjetà, u tisfida l-idea tradizzjonali li l-investituri jridu jagħżlu bejn li jagħmlu l-flus u li jagħmlu differenza. 

Nistgħu ngħinu biex insalvaw id-dinja billi ninvestu b’mod sostenibbli? Peress li s-settur finanzjarju għaddej minn trasformazzjoni notevoli quddiem l-isfidi ambjentali u soċjali, Dr Brigitte Bernard-Rau mill-Università ta’ Hamburg tħares lejn l-investiment b’impatt, l-istrateġija ta’ investiment b’saħħitha l-ġdida. L-istrateġija hija bidla fundamentali fil-mod kif naħsbu dwar ir-rwol tal-kapital u l-finanzi fis-soċjetà, u tisfida l-idea tradizzjonali li l-investituri jridu jagħżlu bejn li jagħmlu l-flus u li jagħmlu differenza.

Ta’ Brigitte Bernard-Rau

F’dinja li qed tiffaċċja sfidi ambjentali u soċjali bla preċedent li jvarjaw mit-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità għas-sigurtà tal-ikel, l-inugwaljanza, il-benesseri u l-kura tas-saħħa, is-settur finanzjarju għaddej minn trasformazzjoni notevoli. L-investiment b’impatt ħareġ bħala approċċ b’saħħtu li jisfida l-idea tradizzjonali li l-investituri għandhom jagħżlu bejn li jagħmlu l-flus u li jagħmlu differenza. Iżda x’inhu eżattament l-investiment b'impatt, u kif ivarja minn forom oħra ta’ finanzjament sostenibbli?

Fehim tal-investiment b’impatt

Fil-qalba tiegħu, l-investiment b’impatt jirrappreżenta bidla fundamentali fil-mod kif naħsbu dwar ir-rwol tal-kapital u l-finanzi fis-soċjetà. Kif definit min-Network Globali ta’ Investiment b’Impatt (GIIN), l-investiment b’impatt huwa strateġija ta’ investiment li tinkludi “investimenti magħmula bl-intenzjoni li jiġġeneraw impatt soċjali u ambjentali pożittiv, li jista’ jitkejjel flimkien mar-redditu finanzjarju”. Madankollu, din id-definizzjoni apparentement sempliċi ma turix kemm huwa kumpless il-potenzjal trasformattiv tal-investiment b’impatt.

Biex wieħed jifhem bis-sħiħ ir-rwol distintiv tal-investiment b'impatt fil-finanzi moderni – bl-approċċ materjalistiku tiegħu – huwa meħtieġ li wieħed jara fejn jinsab fuq l-ispettru usa’ ta’ approċċi ta’ investiment. F’tarf wieħed tal-ispettru għandna investiment tradizzjonali, fejn ir-redditu finanzjarju u l-massimizzazzjoni tal-profitti huma supremi u fejn il-kunsiderazzjonijiet soċjali jew ambjentali ma għandhom l-ebda rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Hekk kif nimxu tul dan l-ispettru niltaqgħu ma’ approċċi dejjem aktar sofistikati biex ninkorporaw fatturi ta’ prestazzjoni soċjali u ambjentali, li jagħtu lok għal varjetà ta’ investiment finanzjarju sostenibbli. Minn dan, l-investiment b’impatt huwa l-aqwa strateġija ta’ investiment li jista’ jkun hemm, dik li tippromovi bidla pożittiva u trasformattiva billi tgħaqqad ir-redditu finanzjarju mal-għanijiet soċjali u ambjentali.

Approċċi ta’ investiment fil-qosor:

  • l-investiment tradizzjonali jiffoka biss fuq ir-redditu finanzjarju, filwaqt li jinjora l-fatturi soċjali u ambjentali. Ilu għal żmien twil il-pedament tas-swieq kapitali;
  • L-integrazzjoni tal-kriterji ESG tinkorpora l-fatturi ESG (ambjentali, soċjali u ta’ governanza) bħala indikaturi tar-riskju fid-deċiżjonijiet ta’ investiment iżda ma tarahomx bħala xprunaturi primarji tal-investiment;
  • il-finanzi sostenibbli jintegraw il-kunsiderazzjonijiet ESG fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment u jqisu s-sostenibbiltà bħala kreatur tal-valur. Dan jappoġġja l-investiment li jindirizza l-isfidi tas-sostenibbiltà u jġib miegħu bidla soċjali u ambjentali pożittiva. Jinkludi wkoll l-investiment fit-tranżizzjoni, il-finanzjament kemm ta’ dak li llum diġà huwa favur l-ambjent (finanzjament ekoloġiku) kif ukoll il-bidla għal livelli ta’ prestazzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent maż-żmien (finanzjament ta’ tranżizzjoni);
  • l-investiment b’impatt jirreferi għal bidla sinifikanti fis-swieq finanzjarji, “riorjentazzjoni sostanzjali lejn l-impatt”, u jindirizza l-mistoqsija L-investiment fis-sostenibbiltà jikkontribwixxi għal dinja aħjar? Għalhekk, l-investiment b’impatt jirriżulta bħala l-aktar approċċ intenzjonat, li jfittex b’mod attiv li jikseb kemm redditu finanzjarju kif ukoll impatt soċjali jew ambjentali pożittiv li jista’ jitkejjel b’impenn ugwali.

Iż-żewġ uċuħ tal-investiment b’impatt: allinjat vs ġenerattiv

Fi ħdan l-investiment b’impatt, teżisti distinzjoni kruċjali bejn investiment b’impatt allinjat u investiment b’impatt ġenerattiv. Din id-differenzjazzjoni tgħin lill-investituri jifhmu mhux biss fejn imorru flushom, iżda wkoll kif dan jikkontribwixxi għal bidla pożittiva.

  • L-investiment b’impatt allinjat jappoġġja lill-kumpaniji li diġà wrew li jużaw prattiki ambjentali jew soċjali pożittivi u taw prova tal-impenn tagħhom għal impatt pożittiv permezz tal-operazzjonijiet u l-eżiti tagħhom.
  • L-investiment b’impatt ġenerattiv joħloq b’mod attiv soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi soċjali jew ambjentali, li spiss jiffukaw fuq it-trasformazzjoni u l-bidla sistemika.

Din id-distinzjoni teoretika tingħata l-ħajja permezz ta’ applikazzjonijiet fid-dinja reali f’setturi differenti.

Enerġija nadifa

Fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, l-investiment b’impatt allinjat jista’ jinvolvi x-xiri ta’ ishma f’kumpaniji tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti jew manifatturi tal-vetturi elettriċi. Dawn il-kumpaniji diġà jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali permezz tal-mudelli kummerċjali ewlenin tagħhom. L-investiment b’impatt ġenerattiv f’dan l-istess settur jista’, minflok, jiffoka fuq il-finanzjament ta’ negozji ġodda tat-teknoloġija tal-batteriji fi stadju bikri jew proġetti solari innovattivi tal-komunità f’żoni li mhumiex moqdijin tajjeb, u b’hekk jinħolqu soluzzjonijiet kompletament ġodda għall-isfidi tal-enerġija.

L-agrikoltura sostenibbli

Is-settur tal-agrikoltura sostenibbli joffri eżempju illustrattiv ieħor. L-investituri b’impatt allinjat jistgħu jappoġġjaw produtturi tal-ikel organiku stabbiliti jew operazzjonijiet tal-biedja sostenibbli, waqt li l-investituri b’impatt ġenerattiv jistgħu jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ tekniki agrikoli riġenerattivi ġodda jew soluzzjonijiet rivoluzzjonarji tal-biedja urbana li jistgħu jittrasformaw kif nipproduċu l-ikel.

Impatt soċjali

Fl-isfera tal-impatt soċjali, l-investiment allinjat spiss jappoġġja kumpaniji b’politiki ta’ diversità b’saħħithom u prattiki tax-xogħol ġusti. B’kuntrast ma’ dan, l-investiment ġenerattiv jista’ jiffinanzja żviluppi ta’ akkomodazzjoni ġodda u affordabbli jew soluzzjonijiet teknoloġiċi edukattivi pijunieri għal komunitajiet li mhumiex moqdija biżżejjed, u b’hekk jinħolqu b’mod attiv perkorsi ġodda għall-ekwità soċjali.

Il-proċess tal-investiment: mill-intenzjoni għall-impatt

Is-suċċess fl-investiment b’impatt jeħtieġ proċess rigoruż li, bl-intenzjoni li jwassal għal bidla soċjali u ambjentali pożittiva, jibda bl-istabbiliment ta’ objettivi ċari ta’ impatt. L-investituri jridu jiddefinixxu eżiti ambjentali jew soċjali speċifiċi li jfittxu li jiksbu, jistabbilixxu miri li jistgħu jitkejlu, u spiss jallinjaw dawn l-għanijiet ma’ oqfsa stabbiliti bħall-Indikatur Globali tan-Nazzjonijiet Uniti għal 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-169 mira tagħhom tal-Aġenda 2030.

Din l-intenzjonalità tiddistingwi l-investiment b’impatt minn forom oħra ta’ finanzjament sostenibbli. Dan jirrikjedi li l-investituri orjentati lejn l-impatt jibdew proċess ta’ diliġenza dovuta li jivvaluta bir-reqqa kemm il-prestazzjoni finanzjarja kif ukoll il-kapaċità li jiġġeneraw u jkejlu eżiti soċjali jew ambjentali sinifikanti.

Il-valutazzjoni finanzjarja ta’ investiment hija prattika stabbilita sew, appoġġjata minn metrika standardizzata u metodoloġiji robusti. Madankollu, il-valutazzjoni mhux finanzjarja, bħall-evalwazzjoni tal-impatt soċjali u ambjentali, għadha komparattivament inqas żviluppata u nieqsa minn oqfsa universali. Għalhekk, l-investituri jridu jmorru lil hinn mill-analiżi finanzjarja tradizzjonali biex jivvalutaw kemm huwa profond l-impenn ta’ kumpanija li jkollha impatt. Dan jinkludi l-evalwazzjoni tal-impenn tal-maniġment biex jintlaħqu l-għanijiet tal-impatt, il-kapaċità tagħhom li jkejlu l-impatt b’mod effettiv u l-kapaċità tagħhom li jiddivulgaw u jirrapportaw l-eżiti b’mod trasparenti. Il-proċess ta’ valutazzjoni spiss jinvolvi l-eżamar ta’ metriċi tal-impatt speċifiċi mfasslin apposta għall-għanijiet tal-investiment, l-iżgurar tal-allinjament ma’ oqfsa rikonoxxuti bħall-IRIS+ jew l-Impact Management Project (IMP, 2024).

Barra minn hekk, sabiex jissaħħaħ il-proċess ta’ diliġenza dovuta, huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn “impatt tal-kumpanija” u “impatt tal-investituri”. L-impatt tal-kumpanija huwa l-effetti soċjali jew ambjentali diretti ġġenerati mill-operazzjonijiet u l-prodotti ta’ kumpanija. B’kuntrast ma’ dan, l-impatt tal-investituri huwa l-influwenza li l-investituri għandhom fuq l-imġiba u l-eżiti ta’ kumpanija permezz tal-għażliet ta’ investiment u l-istrateġiji ta’ involviment tagħhom. Il-fehim ta’ din id-differenza huwa kruċjali sabiex jiġi vvalutat l-impatt ġenerali tal-investiment b’mod preċiż u sabiex jiġu żviluppati prattiki effettivi tal-kejl tal-impatt.

Sfidi, kumplessitajiet u kunsiderazzjonijiet

Minkejja l-wegħda tiegħu, l-investiment b’impatt jiffaċċja ostakli sinifikanti:

  1. il-kejl tal-impatt: fin-nuqqas ta’ metriċi ta’ kejl standard, huwa diffiċli li jiġu kkwantifikati jew jitqabblu l-eżiti soċjali u ambjentali. It-trasparenza u t-traċċar u r-rapportar rigorużi tal-metriċi tal-impatt huma kruċjali biex jiġu pprovduti l-konsistenza u r-responsabbiltà, waqt li jiġi żgurat li l-asserzjonijiet tal-impatt ikunu appoġġjati minn evidenza;
  2. sfidi ta’ attribuzzjoni: huwa diffiċli li jiġu iżolati l-effetti ta’ investiment speċifiku fost bidliet sistemiċi usa’ u li jiġu attribwiti għall-investiment ta’ dak li jkun. Id-determinazzjoni ta’ kemm mill-bidla osservata tista’ tiġi attribwita direttament għal investiment speċifiku tibqa’ waħda mill-aktar sfidi persistenti fl-investiment b’impatt. Pereżempju, it-titjib fl-SDG 3 – Saħħa Tajba u Benesseri – jista’ jkun ir-riżultat ta’ taħlita ta’ investiment fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-infrastruttura, aktar milli investiment immirat uniku. L-iżvilupp ta’ metodoloġiji bħall-analiżi kontrofattwali u l-ipparagunar tal-gruppi ta’ kontroll huwa meħtieġ iżda jista’ jkun intensiv fir-riżorsi u mhux dejjem fattibbli, b’mod partikolari għal proġetti iżgħar jew fi swieq li qed jiżviluppaw;
  3. impact washing: asserzjonijiet esaġerati jew foloz minn kumpaniji jew fondi dwar l-impatt soċjali jew ambjentali tagħhom jimminaw il-fiduċja fis-settur. Sabiex tinżamm il-fiduċja u l-integrità fil-qasam kollu tal-impatt tal-investiment, ir-rappurtar trasparenti u d-dikjarazzjonijiet tal-impatt ivverifikati huma tal-akbar importanza (ITF). Standards ċari għall-kejl tal-impatt u metodi robusti ta’ verifika, flimkien ma’ awditi ta’ partijiet terzi u ċertifikazzjoni indipendenti, huma vitali biex tinżamm il-kredibbiltà.

L-isfruttar tal-potenzjal trasformattiv tal-investiment b’impatt

L-investiment b’impatt huwa fuq quddiem nett ta’ trasformazzjoni profonda fil-finanzi globali, li tirrappreżenta ħafna aktar minn sempliċiment strateġija ta’ investiment oħra. Huwa jinkorpora immaġinar mill-ġdid fundamentali tar-rwol tal-finanzi fis-soċjetà. Huwa jisfida t-twemmin tradizzjonali li r-redditu finanzjarju u l-impatt soċjali u ambjentali pożittiv għandhom jeżistu fi sferi separati.

L-evoluzzjoni tal-investiment b’impatt uriet li l-investituri jistgħu simultanjament isegwu redditu profittabbli u fl-istess ħin jikkontribwixxu għal bidla soċjali u ambjentali sinifikanti. Bl-integrazzjoni tal-iskop mal-profitt, l-investiment b’impatt jipprovdi approċċ konvinċenti għal sistema finanzjarja li taqdi kemm lin-nies kif ukoll lill-pjaneta.

Brigitte Bernard-Rau hija riċerkatur postdottorali u sieħeb fl-Iskola tan-Negozju, l-Ekonomija u x-Xjenzi Soċjali fl-Università ta’ Hamburg. Ir-riċerka tagħha tiffoka fuq il-klassifikazzjonijiet ESG u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni, il-finanzi sostenibbli, l-investiment soċjalment responsabbli, l-impatt fuq l-investiment u r-responsabbiltà soċjali korporattiva. Riċentement ippubblikat Sustainability Stories: The Power of Narratives to Understand Global Challenges (Stejjer ta’ sostenibbiltà: is-setgħa tan-narrattivi biex nifhmu l-isfidi globali) (Springer Nature, 2024). Il-ktieb fih aktar minn 30 storja ta’ ispirazzjoni minn awturi differenti minn madwar id-dinja, li jitkellmu dwar diversi modi kif jinvolvu ruħhom fil-ġid komuni u jagħmlu differenza fil-komunitajiet, fil-prattiki professjonali u fil-ħajja tan-nies.

 

Photo by Lucie Morauw

L-attivista żagħżugħa dwar il-klima u d-drittijiet tal-bniedem u kofundatriċi ta’ Youth for Climate Belgium, Adélaïde Charlier, telenka dak kollu li hemm ħażin bil-patt dwar il-klima tal-COP29 li għadu kif ġie nnegozjat fil-kapitali tal-Ażerbajġan ta’ Baku. Meqjusa minn ħafna bħala simbolu ta’ fiduċja li ntilfet u inugwaljanza klimatika, il-COP29 ħalliet in-nazzjonijiet vulnerabbli u s-soċjetà ċivili diżappuntati għall-aħħar.

L-attivista żagħżugħa dwar il-klima u d-drittijiet tal-bniedem u kofundatriċi ta’ Youth for Climate Belgium, Adélaïde Charlier, telenka dak kollu li hemm ħażin bil-patt dwar il-klima tal-COP29 li għadu kif ġie nnegozjat fil-kapitali tal-Ażerbajġan ta’ Baku. Meqjusa minn ħafna bħala simbolu ta’ fiduċja li ntilfet u inugwaljanza klimatika, il-COP29 ħalliet in-nazzjonijiet vulnerabbli u s-soċjetà ċivili diżappuntati għall-aħħar.

Il-COP29 dwar il-klima li saret dan l-aħħar f’Baku ħalliet id-dinja maqsuma, b’nazzjonijiet vulnerabbli u s-soċjetà ċivili jesprimu frustrazzjoni profonda dwar dak li jitqies bħala ingann tal-fiduċja. Għalkemm sar patt - fejn ġew imwiegħda USD 300 biljun fis-sena biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jadattaw għat-tibdil fil-klima sal-2035 - dan l-ammont huwa drastikament inqas mill-ħtiġijiet urġenti ta’ dawk li jinsabu l-aktar esposti għall-effetti tal-kriżi klimatika.

“Ebda patt huwa aħjar minn patt ħażin”

Harjeet Singh, Direttur tal-Impenn Globali għall-inizjattiva tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Fjuwils Fossili, antiċipa s-sentiment li kien qed jinħass 24 siegħa qabel ma ntlaħaq il-patt finali; “Ebda patt huwa aħjar minn patt ħażin”. Id-dikjarazzjoni tiegħu kienet tirrifletti t-tensjoni dejjem tikber bejn il-pajjiżi affetwati, is-soċjetà ċivili u n-nazzjonijiet aktar sinjuri. Sal-Ħadd, il-konferenza ppreżentat realtà xotta b’mira finanzjarja waħda biss: il-wegħda ta’ “USD 300 biljun fis-sena sal-2035”. Dan l-għan huwa ridikoluż peress li huwa ferm inqas minn dak li n-nazzjonijiet vulnerabbli kienu talbu bejniethom (USD 1,3 triljun biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom f’termini ta’ adattament, mitigazzjoni u indirizzar tat-telf u l-ħsara).

Dan il-patt huwa marbut mal-Għan Kollettiv Ġdid Kwantifikat dwar il-Finanzjament għall-Klima, li huwa maħsub biex jiffinanzja t-tranżizzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalkemm huwa tliet darbiet ogħla mill-mira ta’ USD 100 biljun stabbilita fl-2009, li ntlaħqet biss sentejn ilu fl-2022, għadu ’l bogħod milli biżżejjed. Meta titqies l-inflazzjoni, l-impenn tal-2009 ta’ USD 100 biljun jammonta għal USD 258 biljun sal-2035, li jirrappreżenta żieda reali ta’ USD 42 biljun biss fi sforz reali. It-talba min-nazzjonijiet vulnerabbli kienet ċara: “Triljuni, mhux biljuni”.

L-istruttura tal-objettiv finanzjarju propost hija diżappuntanti daqs l-ammont innifsu. Hija nieqsa minn kwalunkwe impenn speċifiku għal mekkaniżmi ta’ finanzjament pubbliku, bħal għotjiet jew sussidji, li huma meħtieġa b’mod kritiku mill-pajjiżi fin-Nofsinhar Globali.

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda sottomiri biex jiġu ffinanzjati b’mod adegwat il-mitigazzjoni, l-adattament, u l-indirizzar tat-telf u l-ħsara. In-nuqqas ta’ enfasi ċara fuq l-adattament, flimkien ma’ enfasi sproporzjonata fuq il-mitigazzjoni - primarjament iffinanzjata minn banek multilaterali tal-iżvilupp u s-settur privat - juri nuqqas persistenti ta’ tagħlim mill-2009, fejn l-adattament ma kienx iffinanzjat biżżejjed b’mod sinifikanti, aggravat min-nuqqas ta’ responsabbiltà u finanzjament iddedikat għat-telf u l-ħsara.

U, filwaqt li ssir referenza għat-telf u l-ħsara, din hija biss referenza vaga u superfiċjali, aktar milli integrazzjoni b’mod sinifikanti fil-patt. Il-qafas iħalli wkoll il-bieb miftuħ għal dipendenza qawwija fuq il-finanzjament privat, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati, investimenti privati mingħajr riskju appoġġati minn fondi pubbliċi, u investimenti kompletament privati, li huma mħeġġa b’mod attiv.

Responsabbiltajiet storiċi minsijin

Lil hinn mill-finanzjament insuffiċjenti, il-patt ħareġ fid-dieher xquq profondi fid-diplomazija dwar il-klima. Nazzjonijiet aktar sinjuri injoraw ir-responsabbiltà divrenzjata - u parti mill-piż finanzjarju għaddewh lil pajjiżi vulnerabbli li diġà qed iġarrbu l-piż tal-impatti klimatiċi. Nazzjonijiet bħall-Indja, Kuba, il-Bolivja, u n-Niġerja esprimew ir-rabja tagħhom, u akkużaw lill-pajjiżi sinjuri li naqsu milli jħallsu għall-emissjonijiet storiċi tagħhom ta’ gassijiet serra.

Il-fiduċja marret lura minħabba dan in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, u t-tensjonijiet laħqu livelli mingħajr preċedent fl-istorja tan-negozjati tal-COP. Il-wegħda attwali ta’ USD 300 biljun anqas tibda meta mqabbla mal-USD 1 triljun stmati mill-esperti tan-NU bħala l-investiment minimu meħtieġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw (eskluża ċ-Ċina) sal-2035.

Patt ħażin minħabba pressjoni

In-nazzjonijiet l-aktar fqar u l-aktar vulnerabbli fid-dinja, inklużi l-45 pajjiż l-anqas żviluppati (LDCs) u 40 stat gżira żgħar, fl-aħħar mill-aħħar aċċettaw il-patt taħt pressjoni politika enormi. Kellhom iċedu minħabba l-biża’ li jintilef kwalunkwe ftehim, b’mod partikolari bil-possibbiltà li l-presidenza ta’ Trump thedded il-progress futur fil-klima. Għal ħafna, dan kien kompromess morr: li jaċċettaw inqas fondi biex jiżguraw għajnuna immedjata.

Il-prezz tad-dewmien

Dan il-“patt ħażin” mhuwiex biss daqqa ta’ ħarta għar-relazzjonijiet diplomatiċi; iżda se jkollu konsegwenzi devastanti għal miljuni ta’ ħajjiet. Nazzjonijiet vulnerabbli diġà waslu sax-xifer minħabba temp estrem, livelli tal-baħar li qed jogħlew, u skarsezza tar-riżorsi. Il-gvernijiet f’nazzjonijiet aktar sinjuri jeħtiġilhom jirrikonoxxu li l-investiment fl-azzjoni klimatika issa se jiswina ħafna inqas milli nistennew iż-żieda katastrofika tal-ispejjeż li n-Natura qed iġġegħilna nħallsu.

L-eżitu tal-COP29 huwa tfakkira ċara: l-kriżi klimatika titlob azzjoni kuraġġuża u urġenti, u ġustizzja għal dawk l-aktar affettwati. Mingħajr impenji trasformattivi, qegħdin sena wara l-oħra napprofondixxu d-distakki bejn it-Tramuntana globali u n-Nofsinhar - u nipperikolaw l-għan proprju tal-kooperazzjoni klimatika globali.

Hekk kif qed inħarsu lejn il-COP30, huwa ċar li l-ġlieda għall-ġustizzja klimatika għadha ’l bogħod milli tintemm.

Adélaïde Charlier hija attivista Ewropeja tal-ġustizzja klimatika ta’ 23 sena, magħrufa l-aktar bħala kofundatriċi ta’ Youth for Climate Belgium u issa bħala fundatriċi tal-organizzazzjoni Bridge (li tgħaqqad iż-żgħażagħ u l-politika dwar il-klima). Hija wkoll nominata għall-klassifika 30under30 ta’ Forbes.