European Economic
and Social Committee
Investi b’mod sostenibbli għall-futur ta’ ulied uliedek
Fl-2021, l-assoċjazzjoni Belġjana Grootouders voor het Klimaat (Nanniet favur il-klima) rebħet il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, li kien iffokat fuq it-tema tal-azzjoni klimatika, għall-kampanja tagħha “Dak li faddalna nużawh għall-futur tagħhom”. Il-kampanja kellha l-għan li tħeġġeġ madwar 2,4 miljun nannu u nanna Belġjani biex il-flus li kienu faddlu – li dak iż-żmien kien stmat għal madwar EUR 910 biljun f’assi – jerġgħu jinvestuhom fi proġetti aktar sostenibbli. Il-KESE Info tkellem ma’ Grootouders voor het Klimaat dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-klima u l-finanzjament sostenibbli kif ukoll dwar l-istennijiet u l-pjani għall-futur.
Wara tliet snin taraw riżultati tanġibbli tal-kampanja tagħkom? Kif tivvaluta b’mod ġenerali l-istat tal-klima u l-finanzi sostenibbli fil-Belġju – sar progress? u hemm aktar sensibilizzazzjoni fost in-nies dwar l-importanza ta’ dan kollu?
Il-Premju tal-KESE kien rikonoxximent u appoġġ importanti għalina. Ta’ spiss irreferejna għalih f’kuntatti mal-gvern, ma’ organizzazzjonijiet oħra ta’ appoġġ u maċ-ċittadini. Għenna nagħmlu iktar kuntatti u nkomplu niżviluppaw il-kampanja tagħna, kemm għan-nanniet sħabna kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet iżgħar, billi żviluppajna preżentazzjonijiet, sessjonijiet ta’ ħidma u sensiela ta’ lezzjonijiet dwar il-finanzi sostenibbli.
Aħna osservajna li dan għadu mhuwiex suġġett ċar, iżda fl-istess ħin saru sforzi leġiżlattivi importanti mill-Ewropa (it-tassonomija, il-Patt Ekoloġiku, is-CSRD, is-CSDDD, eċċ.), u dan ifisser li anke l-intrapriżi u s-setturi qed jieħdu aktar u aktar inizjattivi li nistgħu nirreferu għalihom. Dan huwa sors ta’ tama u ta’ bżonn, kif sfortunatament enfasizzaw ir-riżultati (inadegwati) tal-COP f’Baku.
Minn studju reċenti tgħallimna li għad hemm bżonn il-ħidma tagħna biex nissensibilizzaw. Huma biss 5-15 % tal-investituri li jużaw id-dritt tagħhom li jitolbu lill-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom iqisu l-preferenzi sostenibbli tagħhom. Għalhekk irridu nkomplu naħdmu fuq dan.
X’tistennew mill-COP29? Ser tipparteċipaw fil-konferenza, jekk mhux direttament billi tappoġġjaw lit-tifel ta’ 12-il sena Ferre u lin-nanniet tiegħu? Taħsbu li l-finanzjament għall-klima huwa suġġett kruċjali għal tranżizzjoni ġusta?
Fil-ħin tal-kitba, il-COP29 tkun għadha kemm spiċċat. Mill-bidu nett, tajna l-appoġġ sħiħ tagħna, f’termini finanzjarju u ta’ komunikazzjoni, lil Ferre ta’ 12-il sena, li, flimkien man-nanniet tiegħu, li huma membri tal-Groothouders voor het Klimaat, ivvjaġġa lejn Baku, biex jiżgura li leħen it-tfal ikompli jinstema’. Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lin-nanniet l-oħra u lill-awtoritajiet kollha li għamlu dan possibbli.
Il-COP29 kellha ssir il-COP tal-finanzjament għall-klima minħabba li l-finanzjament huwa tabilħaqq kruċjali għat-tranżizzjoni ġusta. Sfortunatament, f’Baku, rajna li dan ma kienx jidher biżżejjed. Il-messaġġ tagħna jibqa’: il-flus hemm huma, u nitolbu lil min għandu biex ikun responabbli u jużahom b’mod sostenibbli għall-futur ta’ ulied uliedna.
X’inhuma l-aħħar proġetti ta’ Grootouders voor het Klimaat li tixtiequ ssemmu? Diġà għaddejjin xi proġetti ġodda?
Aħna nħarsu lejn il-futur b’ħafna tama. L-2025, għaxar snin wara l-Ftehim ta’ Pariġi, għall-Grootouders voor het Klimaat ser tkun is-sena li fiha ser nagħmlu appell lil għadd kbir ta’ nanniet bħalna, li huma membri tal-organizzazzjonijiet kbar tal-anzjani fil-Flanders. Ninsabu f’nofs it-tħejjijiet fejn diversi għexieren ta’ “nanniet favur il-klima” qegħdin jitħarrġu biex ikunu jistgħu jiddiskutu dwar il-klima b’kunfidenza, u jkunu lesti jikkomunikaw u jisimgħu.
Żviluppajna diversi workshops, inkluż wieħed dwar it-tfaddil u l-investiment sostenibbli, li noffru mingħajr ħlas lid-dipartimenti lokali kollha tal-organizzazzjonijiet tal-anzjani. Diġà qed naraw ħafna entużjażmu. Lejn l-aħħar ta’ Novembru 2025 ser intemmu b’avveniment kbir li, nisperaw, mhux ser ikun it-tmiem iżda l-bidu ta’ impenn dejjem jikber għall-futur.
Hugo Van Dienderen huwa kofundatur u kopresident ta’ Grootouders voor het Klimaat. Stabbilit fl-2019, Grootouders voor het Klimaat huwa moviment indipendenti tal-anzjani, prinċipalment nanniet, li jridu jgħaddu dinja abitabbli lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Fir-ritratt: Ferre man-“nanniet tiegħu favur il-klima” waqt COP29 f’Baku. Ferre kellu l-opportunità li jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi klimatika ma’ ħafna nies importanti.