Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-akkomodazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fis-servizzi tal-provvista tal-akkomodazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali relatati mal-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa. Skont konferenza li saret reċentement fil-KESE, jinħtieġ rispons pan-Ewropew għad-diversi sfidi, peress li l-akkomodazzjoni mhijiex biss ħtieġa iżda wkoll dritt tal-bniedem . 

Fil-21 ta’ Novembru, il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE organizza l-konferenza Nipproteġu lill-aktar ċittadini vulnerabbli tal-Ewropa permezz ta’ akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli, li matulha d-diskussjonijiet iffukaw fuq kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jagħmlu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa aktar inklużivi, affordabbli u sostenibbli.

Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, enfasizza li l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata jikkostitwixxi dritt tal-bniedem li jeħtieġ approċċ pan-Ewropew. Huwa enfasizza r-rabta bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u l-livelli tal-faqar, u indika wkoll li “l-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli hija ċentrali għall-qerda tal-faqar”.

Is-Sur Boland enfasizza wkoll li “l-istrateġija tal-UE kontra l-faqar u l-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli proposti mill-President elett tal-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu parti minn approċċ ta’ politika transsettorjali biex jintemm il-faqar. Dan l-approċċ irid jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċess kollu tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-soluzzjonijiet. L-akkomodazzjoni sostenibbli trid tiġi eżaminata minn perspettiva usa’ li tinkludi l-effiċjenza fir-riżorsi, iċ-ċirkolarità, ir-reżiljenza, l-adattament u l-aċċessibbiltà ekonomika”.

Matul l-avveniment saret referenza wkoll għall-istudju l-ġdid tal-KESE dwar Akkomodazzjoni sostenibbli affordabbli fl-UE, ikkummissjonat mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili. L-istudju janalizza soluzzjonijiet ta’ politika għall-kisba ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli fl-UE. Barra minn hekk, jinvestiga żewġ xejriet emerġenti: id-diġitalizzazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fil-provvista tal-akkomodazzjoni. L-istudju jeżamina inizjattivi innovattivi f’sitt Stati Membri, u jivvaluta l-potenzjal tagħhom għal applikazzjoni usa’ fl-Ewropa.

Tista’ ssir taf aktar dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika fuq terminu medju u twil tal-istudju tal-KESE hawnhekk.

Tista’ tikkonsulta wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza.