STQARRIJA TAL-PRESIDENT TAL-KESE DWAR IS-SITWAZZJONI FIL-LVANT NOFSANI

Il-KESE jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati tal-Hamas fl-Iżrael kollu. Il-KESE jesprimi l-kondoljanzi tiegħu u jtenni s-simpatija tiegħu mal-familji u s-solidarjetà sħiħa tiegħu mas-soċjetà ċivili Iżraeljana. Il-KESE jenfasizza bil-qawwa d-dritt tal-Iżrael li jiddefendi lilu nnifsu f’konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali.

Il-KESE jikkundanna l-atti kollha diretti kontra ċ-ċivili Palestinjani u Iżraeljani u l-infrastrutturi ċivili, u jappella għall-protezzjoni tagħhom, speċjalment tat-tfal u l-popolazzjoni vulnerabbli. Inħeġġu lill-partijiet biex jeżerċitaw trażżin u nfakkruhom fl-obbligi tagħhom skont il-prinċipji universali tad-dritt internazzjonali.

Il-vittmi innoċenti kollha jinsabu fi ħsibijietna – l-Iżraeljani, il-Palestinjani, u ċ-ċittadini minn bosta pajjiżi oħrajn.

Il-KESE jappella lill-Hamas sabiex jeħles minnufih l-ostaġġi kollha mingħajr ebda prekundizzjoni. Il-benesseri tagħhom irid jiġi salvagwardjat permezz tal-intervent ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħas-Salib l-Aħmar Internazzjonali u n-Nofs Qamar l-Aħmar.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li s-sitwazzjoni umanitarja katastrofika f’Gaża teħtieġ azzjoni immedjata biex tiġi evitata kriżi umana saħansitra akbar. L-għoti ta’ assistenza umanitarja urġenti permezz tal-aktar mezzi effiċjenti, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ kurituri umanitarji u waqfiet, huwa vitali. Il-popolazzjoni ċivili tal-Palestina teħtieġ b’mod urġenti ikel, ilma, fjuwil, elettriku, u kura medika, kif ukoll kenn sikur. L-aċċess għal dawn il-faċilitajiet bażiċi jeħtieġ li jintradd lura b’mod urġenti.

Id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali għandhom jiġu rispettati skont ir-riżoluzzjonijiet tan-NU. Il-KESE jenfasizza li f’dawn iż-żminijiet diffiċli, id-djalogu diplomatiku u l-kooperazzjoni huma għodod essenzjali għar-restawr tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun.