Għajnuna umanitarja tal-membri tal-KESE lill-Ukrajna

This page is also available in

Fit-8 ta’ Marzu 2022, l-organizzazzjoni tiegħi fil-Polonja (ZPP) u l-Fondazzjoni Kulski f’assoċjazzjoni ma’ Małgorzata Bogusz, membru tal-KESE, organizzat konvoj umanitarju żgħir iżda rapidu ħafna. Dan kien it-tieni vjaġġ matul il-ġimgħa. Mort Lviv, l-Ukrajna, ma’ Małgorzata Bogusz u Tom Palmer, Viċi President tan-Network Atlas mill-Istati Uniti.

L-iskop tal-vjaġġ kien li jiġu pprovduti mediċini u materjali mediċi u iġeniċi. Mgħammra b’żewġ karozzi tal-linja mimlijin, morna fil-post indikat mill-Ukrajna, fejn jiġu ppakkjati l-prodotti u mbagħad distribwiti fejn l-aktar hemm bżonn.

Hemm kju twil ta’ karozzi tal-passiġġieri u karozzi tal-linja li ma jaqta’ xejn fuq il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna, diretti lejn il-Polonja. Sfortunatament, il-ħtiġijiet b’rabta mal-evakwazzjoni tan-nies ċivili mhumiex jonqsu, iżda qed jikbru b’mod sistematiku. Il-Polonja diġà laqgħet aktar minn 1,5 miljun ċittadin Ukren (sal-10 ta’ Marzu 2022).

Fi triqitna lejn Lviv, iltqajna ma’ diversi punti ta’ kontroll. L-akbar wieħed minnhom, protett mill-militar, jinsab proprju fid-daħla tal-belt. Lviv hija belt vivaċi ħafna b’ċirkolazzjoni qawwija ta’ nies. Fil-belt, hemm bosta mijiet ta’ eluf ta’ nies aktar mis-soltu. Lviv bħalissa hija ċentru ta’ trasferiment u loġistika li jappoġġja lill-Ukrajna Ċentrali u tal-Lvant. Fil-periferija tal-belt iltqajna mal-gwida tagħna li wassalna saċ-ċentru tal-loġistika. Kien hemm tim ta’ nies qed jistennew hemmhekk, u dawn bdew iħottu minnufih. Hekk kif tħattew, il-prodotti kollha ġew magħżula immedjatament u kkatalogati kif suppost (skont il-formula adottata). Il-ġestjoni tal-proċess hija tal-ogħla livell. Wara x-xogħol, kien ta’ pjaċir għalina li sibna l-ħin biex niskambjaw kummenti dwar is-sitwazzjoni attwali u l-akbar ħtiġijiet. Inżid ngħid li l-abitanti ta’ Lviv jibqgħu fi djarhom u jappoġġjaw l-akkomodazzjoni, il-forniment tal-ikel u t-trasport tar-refuġjati li ġejjin miż-żoni milquta mill-attakk mhux ġustifikat Russu.



Nixtieq ukoll nikkondividi r-rakkomandazzjonijiet u l-ħtiġijiet ewlenin tal-Ukrajna. Peress li naħdmu flimkien kuljum, naħseb li nista’ niġbor fil-qosor l-aspettattivi. Dawn jistgħu jinqasmu fi ħtiġijiet fundamentali politiċi, militari u ċivili. Il-ħtiġijiet ta’ natura politika huma:

  1. Assistenza finanzjarja u fornimenti ta’ tagħmir militari – kompitu għall-gvernijiet u l-kumpaniji l-kbar.
  2. Pressjoni u sanzjonijiet estensivi u profondi fuq ir-Russja u l-Belarussja. Is-sanzjonijiet iridu jkunu impossibbli li jiġu evitati. Se jkun hemm ukoll spejjeż għalina, u din hija xi ħaġa li jeħtieġ naċċettawha. Fl-aħħar nett, wasal iż-żmien li niddefinixxu mill-ġdid il-politika tal-enerġija tagħna.

Fir-rigward ta’ dak li huwa mistenni b’mod konkret minna, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u tas-soċjetà ċivili:

  1. Appoġġ fil-provvista tal-prodotti mediċi.
  2. Il-kisba ta’ provvisti oħrajn skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-imsieħba tagħna.
  3. Appoġġ fl-evakwazzjoni tal-familji. Fi triqitna lura mill-Ukrajna kellna l-unur nittrasportaw nies li kienu qed jiġu evakwati mill-Ukrajna. L-għażla l-oħra hija li nimpenjaw ruħna fil-fruntiera u nipprovdu assistenza permezz tat-trasport.
  4. L-akkoljenza u l-akkomodazzjoni tal-familji li jaslu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-pajjiżi tar-reġjun jeħtieġu appoġġ biex joffru akkomodazzjoni, f’postijiet fi djarkom u fl-appartamenti l-vojta tagħkom. Fir-rigward tal-Polonja, diġà lqajna ’l fuq minn 1,3 miljun refuġjat tal-gwerra.
  5. Tiftix rapidu ta’ impjieg għall-persuni li jiġu u li jistgħu/jixtiequ jaħdmu.

Nixtieq nenfasizza li l-kriżi attwali b’rabta mal-ħtieġa li jiġu aċċettati r-refuġjati hija bla preċedent fl-istorja moderna tal-Ewropa. F’sitwazzjoni bħal din, jeħtieġ li tiġi involuta s-soċjetà ċivili mill-Istati Membri kollha.

Marcin Nowacki