European Economic
and Social Committee
Sejħa biex jiġi indirizzat ir-rwol tal-indukraturi
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħmel is-suġġett tal-indukraturi informali prijorità politika u tistabbilixxi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.
F’Lulju, il-KESE adotta Opinjoni u sejjaħ għat-teħid ta’ miżuri addizzjonali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, biex jiġu protetti aħjar il-persuni li jindukraw b’mod informali u jiġi rikonoxxut il-kontribut essenzjali tagħhom għas-soċjetà.
Dawn il-miżuri jinkludu: it-twaqqif ta’ pjattaforma mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, il-forniment ta’ servizzi ta’ kwalità għolja u aċċessibbli bbażati fil-komunità biex jittaffa l-piż fuq l-indokraturi tal-familja, u l-forniment ta’ servizzi ta’ solliev. Huwa kruċjali wkoll li l-indokraturi jkunu jistgħu jaċċessaw kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli, sabiex ma jkunux imġiegħla jħallu xogħolhom biex jieħdu ħsieb il-membri tal-familja.
Pietro Barbieri, relatur tal-Opinjoni, qal: “Il-KESE jinsab lest biex isemma’ leħen grupp ta’ nies fis-soċjetà tagħna li ħafna drabi ma jidhrux: l-indokraturi infomali. Dawn il-persuni ħafna drabi jiġu mġiegħla jħallu xogħolhom u b’konsegwenza ta’ dan jitilfu l-introjtu u ħafna mid-drittijiet tagħhom. Il-persuni li jindukraw b’mod informali jwettqu dan ix-xogħol li ma jidhirx. Issa wasal iż-żmien li noħorġu fid-dieher l-isforzi tagħhom”.
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri adatti biex jiggarantixxu li deċiżjoni li tittieħed dwar il-kura informali tkun volontarja, li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, u li l-persuni li jindukraw b’mod informali jkunu jistgħu jżommu l-impjieg u l-paga tagħhom permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol aktar flessibbli u jkunu jistgħu jidħlu lura faċilment fis-suq tax-xogħol jekk ikunu ġew imġiegħla joħorġu minnu. Huwa importanti li niżguraw li jkollhom bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
L-indukrar informali ma jaffettwax lill-irġiel u lin-nisa bl-istess mod. Perċentwal enormi ta’ persuni li jindukraw b’mod informali huma nisa. Madwar 70 % jieħdu ħsieb uliedhom, il-konjuġi jew ħuthom. Minbarra li huma esposti għal riskji ogħla ta’ eżawriment u disturbi psikofiżiċi, dawn in-nisa jinsabu f’riskju serju ta’ faqar. “Għandna waħda mill-aħjar sistemi ta’ protezzjoni soċjali fid-dinja, iżda f’ħafna każijiet, din tiddependi fuq in-nisa stess, dirgħajhom u l-volontà tagħhom,” qal is-Sur Barbieri.
Sabiex ikun jista’ jiġi mmonitorjat l-impatt tar-regoli u r-regolamenti rilevanti, huwa importanti ferm li jkun hemm aċċess għal data kwalitattiva u kwantitattiva li tiddeskrivi l-kundizzjonijiet tal-għajxien attwali tal-persuni li jindukraw b’mod informali. Il-KESE jappella sabiex jiġu adottati aktar strateġiji ta’ riċerka, b’mod partikolari bil-kooperazzjoni tal-Eurofound u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti.