European Economic
and Social Committee
Il-qafas il-ġdid tal-UE għall-monitoraġġ tal-foresti għandu jkun sostenibbli u parteċipattiv
minn Florian Marin
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jipproponi li l-qafas il-ġdid tal-UE għall-monitoraġġ tal-foresti għandu jkun sostenibbli, kosteffettiv u operazzjonalment fattibbli. Għandu jkun ukoll f’waqtu, sikur, dinamiku, inklużiv u parteċipattiv sabiex jippermetti kooperazzjoni mill-qrib bejn ix-xjenza u l-prattika flimkien ma’ ppjanar aħjar u tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza.
Huwa kruċjali li tiġi żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni tad-data diġà koperta mil-leġiżlazzjoni eżistenti bħall-politiki dwar il-klima u l-arja, ir-regolamenti dwar il-bijodiversità u l-Politika Agrikola Komuni.
Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, hemm bżonn ta’ data fit-tul flimkien ma’ data dwar l-iżvilupp rurali, l-ekonomija ċirkolari u x-xjenza. Huwa importanti li jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-istess granularità, teknoloġija u frekwenza speċjalment meta tkun qed tinġabar data addizzjonali fl-Istati Membri kollha tal-UE. It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-evitar ta’ burokrazija eċċessiva bħal ġbir u rappurtar ta’ data multipla għandhom ikunu ta’ tħassib kontinwu. L-istess livell ta’ importanza għandu jingħata lid-data forestali mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.
Ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed l-importanza li jiġu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà privata u s-sjieda tad-data, b’mod partikolari fil-qafas tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fuq kollox, għandu jkun l-interess pubbliku li għandu jipprevali fl-infrastruttura tad-data dwar il-foresti.
Kull Stat Membru tal-UE li jibbenefika mill-foresti għandu jkollu pjan fit-tul dwar il-foresti li jikkomplementa strateġiji oħra dwar il-foresti u l-injam, li jiżgura tqabbil perfett mal-SDGs. Fl-istess ħin li jitqiesu l-valuri multilaterali tal-foresti, l-aspetti soċjali u ekonomiċi għandhom jiġu inklużi fl-istruttura tal-pjani dwar il-foresti flimkien mal-prinċipju tas-sħubija u l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjani fit-tul dwar il-foresti.
Ir-rwol tal-Kumitat Forestrarju Permanenti għandu jissaħħaħ u għandu jinkludi atturi rilevanti mis-soċjetà ċivili.